Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Lev 25, 1. 8-17
Salm: 66 (67), 2-3.5.7-8
L-Evanġelju: Mt 14, 1-12
F’dak iż-żmien, Erodi t-tetrarka sama’ bil-fama ta’ Ġesù u lill-qaddejja tiegħu qalilhom: “Dan Ġwanni l-Battista! Iva, hu, qam mill-imwiet! U minħabba f’hekk il-qawwa tal-mirakli qiegħda taħdem fih!”.
Għax Erodi kien arresta lil Ġwanni, u qaflu l-ħabs u ħallieh hemm minħabba Erodja, mart ħuh Filippu. Għax Ġwanni kien jgħidlu: “Inti lil dik ma tistax iżżommha!”. Ried kieku joqtlu, imma kien jibża’ min-nies, għax kienu jżommuh bi profeta.
Mela wasal jum li fih Erodi għalaq sninu, u bint Erodja ħarġet fin-nofs tiżfen, u għoġbot lil Erodi; għalhekk wegħedha taħt ġurament li jagħtiha kulma titolbu. U hi, mogħwija minn ommha, qaltlu: “Agħtini issa stess ras Ġwanni l-Battista fuq platt”.
Is-sultan tnikket, iżda minħabba l-ġurament li ħa u l-mistednin tiegħu ordna li tingħatalha. U bagħat jaqta’ ras Ġwanni fil-ħabs. U ġiebu rasu fuq platt u tawha lit-tfajla, u din ħaditha lil ommha.
Imbagħad id-dixxipli tiegħu ġew, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh, u marru jagħtu l-aħbar lil Ġesù.
Qaddis tal-jum: San Injazju ta’ Loyola, Presbiteru