-
-
Qari tal-jum
-
L-Ewwel Qari: Eżodu 32, 7-14
Salm: 105 (106), 19-20.21-22.23L-Evanġelju: Ġw 5, 31-47
-
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil-Lhud: “Kieku jien kelli nagħti xhieda fuqi nnifsi, ix-xhieda tiegħi ma kinitx tkun minnha. Hemm ħaddieħor li jagħti xhieda fuqi, u jiena naf li x-xhieda li jagħti fuqi hu hi minnha.
Intom bgħattu tistaqsu lil Ġwanni, u hu ta xhieda għall-verità. Mhux għax jien għandi bżonn ix-xhieda ta’ bniedem, imma qiegħed ngħidilkom dan għas-salvazzjoni tagħkom. Għax dak kien musbieħ jixgħel u jiddi, u intom, għal ftit, ridtu tifirħu bid-dawl tiegħu. Iżda jien għandi xhieda akbar minn dik ta’ Ġwanni; għax l-għemejjel li tani l-Missier biex intemmhom, jiġifieri dawn l-istess għemejjel li jiena qiegħed nagħmel, jixhdu għalija li kien il-Missier li bagħatni. U dak li jagħti xhieda fuqi huwa dak stess li bagħatni, il-Missier, li intom la qatt smajtu leħnu u lanqas rajtu l-bixra ta’ wiċċu; u l-kelma tiegħu ma tinsabx fikom, għax intom m’intomx temmnu lil dak li huwa bagħat.
Intom tistudjaw l-Iskrittura, għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja ta’ dejjem; din tagħti xhieda għalija; u madankollu ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja. Jiena ma nieħu ebda glorja mill-bnedmin, imma jiena lilkom nafkom, naf li l-imħabba ta’ Alla ma tinsabx fikom.
Jien ġejt f’isem Missieri, u intom ma lqajtunix; jekk ħaddieħor jiġi f’ismu stess, intom tilqgħuh. Imma kif jista’ jkun li temmnu, intom li tieħdu l-glorja mingħand xulxin, waqt li xejn ma tfittxu l-glorja li tiġi mingħand Alla waħdu? Xejn la taħsbu li se nkun jien li nakkużakom quddiem il-Missier; dak li jakkużakom huwa Mosè, li fih qegħedtu t-tama tagħkom. Għax kieku kontu temmnu lil Mosè kontu temmnu lili wkoll, għax Mosè fuqi kiteb. Imma jekk intom ma temmnux dak li kitbilkom hu, kif se temmnu dak li ngħidilkom jien?”.