Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Sirak 47:2-11
Salm:
17 (18):31,47 u 50,51

L-Evanġelju: Mk 6:14-29

F’dak iż-żmien, is-sultan Erodi sama’ b’Ġesù, għax ismu kien sar magħruf, u xi wħud bdew jgħidu: “Ġwanni l-Battista qam mill-imwiet; minħabba f’hekk li s-setgħat tal-mirakli qegħdin jaħdmu fih”. Imma oħrajn bdew jgħidu: “Dan Elija”. U oħrajn: “Profeta, bħal wieħed mill-profeti l-oħra”. Iżda Erodi, meta sama’ bih, qal: “Ġwanni l-Battista, li jien qtajtlu rasu, hu qam mill-mewt!”.

Għax kien Erodi stess li bagħat jarresta lil Ġwanni u qaflu fil-ħabs minħabba Erodja, mart ħuh Filippu, billi kien iżżewwiġha hu. Għax Ġwanni lil Erodi kien jgħidlu: “Ma tistax iżżommha int il-mara ta’ ħuk”. Għalhekk Erodja saret tobogħdu u kienet trid toqtlu, imma ma kinitx tista’, għax Erodi, li kien jaf x’raġel tajjeb u qaddis kien Ġwanni, kien jibża’ minnu; u kien iħarsu mill-għawġ, u kien iħobb joqgħod jisimgħu, għad li kien jibqa’ mħasseb ħafna wara li jisimgħu.

Mela wasal jum tajjeb, meta Erodi għalaq sninu u għamel ikla lill-kbarat tiegħu, lill-fizzjali l-għolja u lill-aqwa nies tal-Galilija. Bint Erodja daħlet tiżfen, u għoġbot lil Erodi u lill-mistednin tiegħu. Is-sultan qal lit-tfajla: “Itlobni kulma trid, u jien nagħtik kulma titlobni”. U qalilha u ħalfilha: “Titlobni x’titlobni kollox nagħtik, imqar nofs is-saltna tiegħi”. Dik ħarġet u marret tistaqsi lil ommha: “Tgħid x’nitolbu?”. “Ras Ġwanni l-Battista”, weġbitha dik. Malajr reġgħet daħlet tgħaġġel quddiem is-sultan, talbitu u qaltlu: “Irridek issa stess tagħtini ras Ġwanni l-Battista fuq platt”. Tnikket għall-aħħar is-sultan, iżda minħabba l-ġurament u l-mistednin ma riedx jarġa’ lura mill-kelma li taha.

Malajr is-sultan bagħat suldat minn ta’ madwaru u ordnalu li jġiblu rasu. Dak mar u qatagħlu rasu fil-ħabs; imbagħad ġiebha fuq platt u taha lit-tfajla, u t-tfajla marret tatha lil ommha. Meta d-dixxipli tiegħu semgħu b’dan, ħadu l-ġisem tiegħu u difnuh ġo qabar.