Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: 1 Ġw 3:7-10
Salm:
97 (98):1,7-8,9

L-Evanġelju: Ġw 1:35-42

F’dak iż-żmien, Ġwanni raġa’ kien hemm ma’ tnejn mid-dixxipli tiegħu. Ħares lejn Ġesù li kien għaddej minn hemm, u qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla!”. Iż-żewġ dixxipli semgħuh jgħid dan, u marru wara Ġesù.

Ġesù dar u rahom mexjin warajh, u qalilhom: “Xi tridu?”. Iżda huma staqsewh: “Fejn toqgħod, Rabbi?” – li tfisser Mgħallem. Hu weġibhom: “Ejjew u taraw”. U marru miegħu u raw fejn kien joqgħod, u dakinhar baqgħu miegħu. Kien ħabta tal-għaxar siegħa.

Wieħed mit-tnejn li semgħu x’kien qal Ġwanni u marru wara Ġesù kien Indrì, ħu Xmun Pietru. L-ewwel ma għamel mar isib lil ħuh Xmun, u qallu: “Sibna l-Messija” – li tfisser Kristu. U ħadu għand Ġesù. Ġesù ħares lejh u qallu: “Inti Xmun, bin Ġwanni. Inti tissejjaħ Kefa” – jew Pietru.