-
-
San Mattew 8:28-34
F’dak iż-żmien, Ġesù wasal ix-xatt l-ieħor, fil-pajjiż tal-Gadarin, u tnejn min-nies, maħkumin mix-xitan, ħarġu mill-oqbra u resqu fuqu. Kienu qliel wisq; ħadd ma kien jista’ jgħaddi bihom minn dik it-triq. U nfexxew jgħajtu u jgħidu: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Bin Alla? Ġejt hawn biex taħqarna qabel iż-żmien?”.
Mela ftit ’il bogħod minnhom kien hemm merħla kbira ta’ ħnieżer tirgħa. U x-xjaten talbu ħafna lil Ġesù u qalulu: “Jekk toħroġna, ibgħatna fil-merħla tal-ħnieżer”. “Morru!”, qalilhom. Imbagħad ħarġu, u daħlu fil-ħnieżer, u l-merħla kollha nxteħtet mill-għoli tax-xaqliba għal ġol-baħar u nqerdet fl-ilma.
Ir-rgħajja ħarbu u marru l-belt ixerrdu l-aħbar ta’ kollox u ta’ kulma kien għadda minn għala l-imxajtna. U l-belt ħarġet bi ħġarha għal ħdejn Ġesù u kif rawh, bdew jitolbuh ħafna biex jibqa’ sejjer ’il barra minn pajjiżhom.