L-Ottava tal-Għid – Il-Ġimgħa
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Atti 4:1-12
Salm: 
117 (118):1-2 u 4,22-24,25-27a

L-Evanġelju: Ġw 21:1-14

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien, u Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad.” Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll.” Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.

Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?” “Le!”, weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu.” Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut! Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!” Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitt metru biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut.

Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż. Qalilhom Ġesù: “Newlu ’l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu.” Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu.” Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih: “Int min int?”, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.