Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ġob 42:1-3,5-6,12-17
Salm: 118 (119):66,71,75,91,125,130
L-Evanġelju: Lq 10:17-24
F’dak iż-żmien, it-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek.” U Ġesù qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwie.”
F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.”
Imbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx.”
Qaddisa tal-jum: Santa Marija Fawstina Kowalska, verġni