It-Tnejn tal-Ġimgħa Mqaddsa
Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Iż 42, 1-7
Salm: 26 (27), 1.2.3.13-14

L-Evanġelju: Ġw 12, 1-11

Sitt ijiem qabel il-festa tal-Għid, Ġesù mar Betanja, fejn kien joqgħod Lazzru li Ġesù kien qajjem mill-imwiet. Hemmhekk għamlulu ikla; Marta bdiet isservi, waqt li Lazzru kien wieħed minn dawk li qagħdu fuq il-mejda ma’ Ġesù. Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur,

tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, imbagħad ixxttathomlu b’xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ.

Ġuda l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li kien se jittradih, qal: “Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?”. Issa dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kulma kienu jaqilgħu.

Qallu Ġesù: “Ħalliha, din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi. Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni”.

Kotra kbira ta’ Lhud saru jafu li hu kien qiegħed hemm, u marru mhux biss minħabba Ġesù, imma wkoll biex jaraw lil Lazzru, li hu kien qajjem mill-imwiet. Għalhekk il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f’Ġesù.