Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: Dan 3:14-20,91-92,95
Salm:
Dan 3:52,53-54,55-56

L-Evanġelju: Ġw 8:31-42

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil-Lhud li emmnu fih: “Jekk iżżommu fil-kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi u tagħrfu l-verità u l-verità teħliskom”. Qalulu: “Aħna nisel Abraham, u qatt ma konna lsiera ta’ ħadd. Kif tiġi tgħidilna li nkunu ħielsa?”.

Weġibhom Ġesù: “Tassew tassew ngħidilkom, li kull min jagħmel id-dnub huwa lsir tad-dnub. U l-ilsir ma jibqax fil-familja għal dejjem; imma l-iben għal dejjem jibqa’. Jekk l-Iben jeħliskom, tkunu tabilħaqq ħielsa. Jiena naf li intom nisel Abraham; madankollu qegħdin tfittxu li toqtluni, għax il-kelma tiegħi ma qabditx l-art fikom. Jiena qiegħed nitkellem fuq dak li rajt għand Missieri, u intom tagħmlu dak li smajtu mingħand missierkom”.

Qabżu u qalulu: “Missierna hu Abraham”. Qalilhom Ġesù: “Kieku kontu wlied Abraham, kontu tagħmlu bħalma għamel Abraham. Iżda issa qegħdin tfittxu li toqtlu lili, bniedem li għedtilkom il-verità li smajt mingħand Alla. Dan ma għamlux Abraham. Intom tagħmlu bħalma jagħmel missierkom”.

Qalulu: “Aħna m’aħniex ulied iż-żína! Missier wieħed għandna, lil Alla”. Qalilhom Ġesù: “Li kieku Alla kien missierkom, lili kontu tħobbuni, għax jien ħriġt u ġejt mingħand Alla. Għax jien ma ġejtx minn rajja, imma kien hu li bagħatni”.