-
-
It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej – Festa
Qari tal-jum -
L-Ewwel Qari: Dan 7: 9-10. 13-14
Salm: 96, 1-2.5-6.9
It-Tieni Qari: 2 Piet 1: 16-19L-Evanġelju: Mk 9:1-9
-
Sitt jiem wara Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Lbiesu sar abjad u jgħammex b’dija ta’ l-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù. Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija.” Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.
Mbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu.” Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu. Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser ‘tqum mill-imwiet’.