Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Iż 35, 1-10
Salm: 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14
L-Evanġelju: Lq 5, 17-26
Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex ifejjaq. U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b’kollox minn bejn ix-xorok f’nofs in-nies quddiem Ġesù.
Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: “Ħabib, dnubietek maħfura”. Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: “Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista’ jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?”. Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: “Għaliex qegħdin taħsbu hekk f’qalbkom? X’inhu l-eħfef: tgħid “Dnubietek maħfura”, jew tgħid “Qum u imxi”? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art – qal lill-mifluġ –: qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek”. U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla.
U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża’ u bdew jgħidu: “Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb illum!”