Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: 2 Kor 1, 1-7
Salm: 33 (34), 2-3.4-5.6-7.8-9
L-Evanġelju: Mt 5, 1-12
F’dak iż-żmien, kif ra l-folol, Ġesù tala’ fuq il-muntanja, qagħad bilqiegħda, u resqu lejh id-dixxipli tiegħu. Fetaħ fommu u qabad jgħallimhom u jgħid: “Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet. Henjin l-imnikkta, għax huma jkunu mfarrġa. Henjin ta’ qalbhom ħelwa, għax huma jkollhom b’wirthom l-art. Henjin dawk li huma bil-ġuħ u l-għatx tal-ġustizzja, għax huma jkunu mxebbgħin.
Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena. Henjin dawk li huma safja f’qalbhom, għax huma jaraw ’l Alla. Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla. Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet. Henjin intom, meta jgħajrukom u jippersegwitawkom u jaqilgħu kull xorta ta’ ħażen u gideb kontra tagħkom minħabba fija. Ifirħu u thennew, għax ħlaskom kbir fis-smewwiet. Hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li kienu qabilkom”.