Qari tal-jum

L-Ewwel Qari: 1 Kor 7:25-31
Salm:
44 (45):11-12,14-15,16-17

L-Evanġelju: Lq 6:20-26

F’dak iż-żmien, Ġesù rafa’ għajnejh lejn id-dixxipli tiegħu u qal: “Henjin intom il-foqra, għax tagħkom hija s-Saltna ta’ Alla. Henjin intom li għalissa bil-ġuħ, għax għad tkunu mxebbgħin. Henjin intom li għalissa tibku, għax għad tithennew. Henjin intom meta minħabba Bin il-bniedem in-nies jobogħdukom, jaqtgħukom minn magħhom, jgħajrukom u jwarrbu isimkom bħallikieku kien xi ħaġa ħażina. Dakinhar li jiġrilkom hekk, Ifirħu u aqbżu bil-ferħ, għax araw, ħlaskom kbir ikun fis-sema. L-istess għamlu missirijiethom lill-profeti.

Imma ħażin għalikom, intom l-għonja, għax il-faraġ tagħkom ħadtuh. Ħażin għalikom intom li għalissa mxebbgħin, għax għad tkunu bil-ġuħ. Ħażin għalikom intom li għalissa tidħku, għax għad tnewħu u tibku. Ħażin għalikom meta kulħadd isemmikom fil-ġid. Għax l-istess għamlu missirijiethom lill-profeti foloz!”.