Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ħos 2:16,17b-18,21-22
Salm: 144 (145):2-3,4-5,6-7,8-9
L-Evanġelju: Mt 9:18-26
F’dak iż-żmien, resaq lejn Ġesù wieħed mill-kapijiet, inxteħet f’riġlejh u qallu: “Binti iss’issa għadha kemm mietet. Imma int ejja qiegħed idek fuqha u hija tgħix.” Ġesù qam u mar warajh flimkien mad-dixxipli tiegħu.
Mela waħda mara, li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm, resqet lejh minn wara u messitlu t-tarf tal-libsa, għax bejnha u bejn ruħha qalet: “Imqar jekk immiss il-libsa tiegħu, infiq.” Ġesù dar, lemaħha, u qalilha: “Agħmel il-qalb, binti; il-fidi tiegħek fejqitek.” U minn dak il-ħin stess il-mara fieqet.
Meta daħal għand il-kap, Ġesù ra d-daqqaqa tal-flawt u folla nies jagħmlu storbju sħiħ; u qalilhom: “Warrbu, għax it-tifla mhijiex mejta, imma rieqda.” U qabdu jiddieħku bih. Iżda hu keċċa n-nies ’il barra, daħal, qabad id it-tifla u din qamet. U din l-aħbar xterdet ma’ dak il-pajjiż kollu.