Qari tal-jum
L-Ewwel Qari: Ħos 2:16b,17b,21-22
Salm: 44:11-12,14-17
L-Evanġelju: Mt 25:1-13
F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Is-Saltna tas-Smewwiet issir tixbah lil għaxar xebbiet li ħarġu bl-imsiebaħ tagħhom biex jilqgħu l-għarus. Ħamsa minnhom kienu boloh u ħamsa għaqlin, għax il-boloh ħadu l-imsiebaħ u ma ħadux żejt magħhom, waqt li l-għaqlin ħadu mhux biss l-imsiebaħ, iżda wkoll iż-żejt fil-kwies. Il-għarus iddawwar ma ġie, u għalhekk ilkoll ħadhom in-ngħas u raqdu.
Imbagħad f’nofs ta’ lejl instema’ min jgħajjat, ‘Ara l-għarus! Oħorġu ilqgħuh!’ Dawk ix-xebbiet qamu lkoll u ħejjew l-imsiebaħ tagħhom. Iżda l-boloh qalu lill-għaqlin, ‘Agħtuna ftit żejt minn tagħkom, għax l-imsiebaħ tagħna jintfew.’ Qabżu l-għaqlin u qalu, ‘Għandu mnejn ma jibqax biżżejjed, la għalina u lanqas għalikom! L-aħjar morru għand tal-ħanut u ixtru għalikom.’ Xħin dawk marru biex jixtru jiġi l-għarus, u dawk li kienu lesti daħlu miegħu fis-sala, u l-bieb ingħalaq. Sa fl-aħħar waslu wkoll ix-xebbiet l-oħra, u bdew jgħidu, ‘Mulej, Mulej, iftħilna!’ Iżda hu weġibhom u qal, ‘Tassew, ngħidilkom, lilkom ma nafkomx.’ Ishru, mela għaliex la tafu l-jum u lanqas is-siegħa.”
Qaddisa tal-jum: Santa Tereża Benedetta tas-Salib (Edith Stein), verġni, martri u patruna tal-Ewropa