-
-
Id-Dedikazzjoni tal-Bażilka tal-Lateran – Festa
San Ġwann 2:13-23
Kien qorob l-Għid tal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. Fit-tempju sab min qiegħed ibigħ barrin, nagħaġ u ħamiem, u min kien bilqiegħda jsarraf il-flus. Għamel sawt mill-ħbula, u keċċiehom ilkoll ’il barra mit-tempju, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom; xerred il-flus ta’ dawk li kienu jsarrfu, u qalbilhom l-imwejjed u lill-bejjiegħa tal-ħamiem qalilhom: «Warrbu dawn minn hawn, u dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!» Id-dixxipli ftakru f’dak li kien hemm miktub fl-Iskrittura, “Il-ħeġġa għal darek fnietni.”
Imbagħad il-Lhud qabdu u qalulu: «X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan?» Ġesù weġibhom: «Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu.» Għalhekk il-Lhud qalulu: «Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?» Iżda hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu. Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f’dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù. Waqt li kien Ġerusalemm għall-festa tal-Għid, kien hemm ħafna li emmnu f’ismu billi raw is-sinjali li kien jagħmel.