-
-
Kull sena bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar, l-Insara kollha madwar id-dinja jingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw il‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara. It-tema taċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena hi: “Għandek tfittex il-ġustizzja, u l-ġustizzja biss” (Dewt. 16:20).
Il‑Ġimgħa ta’ Talb għall‑Għaqda fost l‑Insara, li ilha tiġi ċċelebrata għal aktar minn 100 sena, tintemm fil-festa tal-konverżjoni ta’ San Pawl, l-Appostlu tal-Ġnus.
Matul din il-ġimgħa, l-Insara huma mistiedna jitolbu għall-għaqda ta’ bejniethom, jirriflettu flimkien fuq l-Iskrittura, jieħdu sehem f’servizzi ekumeniċi u jikbru fl-għarfien dwar Insara minn Knejjes oħra.
Ir-riflessjonijiet għaċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena ġew ippreparati minn Insara Indoneżjani. Is-sena d-dieħla, it-tema u r-riflessjoni għall-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda fost l-Insara ser jiġu mħejjija minn membri ta’ Knejjes differenti f’Malta u Għawdex.