-
-
L-Enċiklika l-ġdida tal-Papa Franġisku dwar kif ngħożżu d-dar komuni tagħna hija l-ewwel dokument tal-Knisja ddedikat għas-suġġett tal-ambjent. Mhux biss hawn Malta fejn għaddej dibattitu dwar diversi proġetti proposti, iżda anke f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, din l-Enċiklika qed tkompli toħloq għarfien dwar ir-responsabbiltà li għandna lejn l-ambjent, u dwar kemm il-ġenerazzjonijiet futuri jistħoqqilhom ambjent aħjar. Fil-preżentazzjoni tal-Enċiklika li saret fis-Seminarju, l-Arċisqof Charles J. Scicluna saħaq dwar dak li qal il-Papa, jiġifieri li d-dmirijiet lejn in-natura jiffurmaw parti mill-fidi Nisranija tagħna, mingħajr ebda għażla. Tenna li l-art hi wirt komuni li għandu jitgawda minn kulħadd, u min għandu parti minnu għandu jużah b’rispett. L-Arċisqof appella biex il-Knisja u l-politiċi Maltin, flimkien jaħdmu favur l-ambjent bi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni u onestà.