• ****

    Direttur:          Robert Stromberg
    Atturi:             Angelina Jolie, Sharlto Copley, Elle Fanning, Sam Riley, Imelda Staunton, Juno Temple u Lesley Manville
    Ħin tal-film:    97 min.
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 PG
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      12A

    Maleficent, tfajla ħelwa,  tgħix ġewwa foresta fis- sliem,  qrib saltna li ma kien jonqosha xejn sakemm jum wieħed, armata tinvadi lil din is-saltna u tħarbat l-armonija li kienet tirrenja fiha. Maleficent li kellha qawwa maġika, tant li anke kellha ġwienah li kienet tista’ ttir, ħasset il-ħtieġa li tieħu azzjoni u tħares is-saltna bħala  l-Protettriċċi ta’ pajjiżha. Iżda dan l-involviment ġabilha ħafna nkwiet meta dak li ħasbet li kien qiegħed juri mħabbtu lejha, Stefan, ittradiha  biex ikun jista’ jired is-saltna tar-Re Henry. Stefan  jiddroga  lil Maleficent u meta din kienet  storduta, neħħilha l-ġwienah b’riżultat diżastruż għal qawwa maġika li kienet tgawdi. Maleficent minn tfajla ta’ qalb tajba u ħelwa tinbidel mill-lejl għan-nhar, b’qalb tal-ġebel u vendetta kontra Stefan li issa sar ir-Re.  Maleficent titfa’ saħta fuq it-tarbija  li Stefan kien għadu kemm kellu minn martu, Leila, it-tifla tar-Re Henry li kien għadda r-renju tiegħu lil Stefan wara mewtu. Aurora, it-tifla tas-sultan Stefan minħabba s-saħta li kellha fuqha minn Meleficent, tintbagħat il-bogħod mill-palazz taħt il-ħarsien ta’ tliet sħaħħar: Knotgrass, Thislewit u Flittle biex sakemm Aurora jkollha sittax –il sena, tkun imħarsa mis-saħta li Maleficent tefgħet fuqha. Aurora tikber u ssir tfajla ħelwa u ta’ qalb tajba. Meleficent tibda tintebaħ li Aurora kellha  l-potenzjal li ġġib paċi fis-saltna u li wara kollox hi wkoll terġa’ ssib is-serħan u l-paċi f’qalbha. X’jiġri hekk kif Aurora qegħda toqrob li tagħlaq is-sittax –il sena?

    Film bi 3D li jerġa’ jġib fuq il-liżar taċ-ċinema l-istorja klassika: Sleeping Beauty  (1959) li Walt Disney kien ħadem għal fuq l-iskrin, din id-darba maħdum b’sengħa kbira u b’effetti  tajbin ħafna. Joħroġ tajjeb il-messagg li l-gilba għal poter kif ukoll vendetta, ma jħallu frott  xejn anżi għal oppost, jagħmluk skjav ta’ għemielek .Minħabba xi xeni li jistgħu jimpressjonaw lit-tfal żgħar, ikun tajjeb li dawn ikunu akkompanjati minn xi adult.