-
-
*****
Direttur: Rob Marshall
Atturi: Emily Blunt, Lin-Manuel Miranda, Ben Whishaw, Emily Mortimer, Pixie Davies, Nathaniel Saleh, Joel Dawson, Julie Walters, Meryl Streep, Dick Van Dyke u Colin Firth
Ħin tal-Film: 130 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: U
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: PG
L-istorja teħodna fi żmien id-Dipressjoni Ekonomika fis-snin tletin tas-seklu għoxrin. It-toroq kienu għadhom jinxtgħelu permezz ta’ fanali tal-gass. Jack, bniedem ferrieħi u pożittiv, kien jixgħel u jitfi dawn il-fanali. Sadanittant, Michael Banks jgħix ma’ uliedu, John, Anabel u Georgie fid-dar fejn kien trabba flimkien ma’ oħtu Jane Banks, xebba li tgħix f’appartament fil-qrib. Tgħinhom u tieħu ħsieb id-dar kien hemm Ellen.
Sfortunatament, Michael kien għaddej minn żmien ħażin għax barra l-qagħda ekonomika fil-pajjiż, kien tilef lil martu Kate. Xogħolu kien artist u biex jgħin ruħu kien jagħmel xogħol part-time fil-Fidelity Fiduciary Bank. Sfortunatament, Michael falla li jħallas il-kambjali fuq id-dar għal dawn l-aħħar tliet xhur b’riżultat li l-bank ried jieħu pussess mill-ġdid tad-dar. Jane u Michael ftakru li missierhom kellu ċertifikat li juri li kellu ishma fil-bank. Il-problema kienet fejn kienu ser isibu dan iċ-ċertifkat biex jippruvaw dan. Fit-tfittxija li jagħmlu fl-attiku, ma jsibu l-ebda dokument. Michael jaħseb li jarmi xi affarijiet qodma fosthom tajra. Dawn jsibu ruħhom barra fit-triq. Ir-riħ itajjar it-tajra li taqa’ fi ġnien. Georgie li kien fuq qadja għand tal-merċa jsib it-tajra u jibda jtajjarha, iżda r-riħ tant jitqawwa li Georgie jsib diffikultà biex iżomm it-tajra taħt kontroll. Kellu jkun Jack li għenu biex iniżżel it-tajra lejn l-art u b’għaġeb kbir mat-tajra niżlet Mary Poppins.
Sadanittant, jaslu John u Anabel li jsibu lil Georgie u flimkien imorru d-dar ma’ Mary Poppins. Michael, sorpriż, jaċċetta li Mary tgħinu fit-trobbija tat-tfal. Wara kollox hu stess bħala tifel kellu esperjenzi sbieħ ma’ Mary Poppins meta hu u Jane kienu għadhom tfal. Il-wasla ta’ Mary Poppins fil-familja, tagħti ħajja ġdida fid-dar għalkemm Mary toħloq xi ftit kaos minħabba l-maġija li kienet twettaq. Mary intebħet li kien hemm bżonn li t-tfal jibdew jimmaturaw u għallmithom li “kollox kien possibbli anke meta kien impossibbli”. Sfortunatament, il-problema li l-bank joħloq, issa amministrat minn William Weatherall, kienet għadha hemm. X’sejjer jagħmel Michael biex isolvi din id-diffikultà serja? Mary u t-tfal jippruvaw jgħinu! X’kien sar minnu ċ-ċertifikat tal-ishma? X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan, mużikali u ta’ fantasija, taht id-direzzjoni ta’ Rob Marshall u kitba ta’ David Magee, Marshall u John DeLuca. Minħabba li xi karattri jsibu ruħhom f’qagħdiet perikolużi, ikun tajjeb li ż-żgħar ikunu akkumpanjati minn xi adult.