Tliet membri Maltin u membru Awstraljan, telqu lejn il-Filippini biex jibdew l-ewwel komunità Museumina fl-Arċidjoċesi ta’ Lipa, fil-provinċja ta’ Batangas. Dan se jkun l-ewwel qasam tal-MUSEUM li se jibda fil-kontinent Asjatiku.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tas-salib missjunarju lil Daniel Attard saret f’Melbourne fis-7 ta’ Jannar 2025, filwaqt li l-membri Maltin, is-Superjur Oliver Aquilina, Lawrence Fenech, u Gabriel Pace, irċevew is-salib missjunarju nhar l-Erbgħa, 15 ta’ Jannar 2025 mis-Superjur Ġenerali. Dan is-salib missjunarju huwa simbolu li jfakkarhom fl-istess missjoni li Ġesù afda lill-knisja u lil kull wieħed minna, biex immorru u nxerrdu l-Aħbar t-Tajba.

Nitolbu u nittamaw li, permezz tal-ħajja nisranija u museumina tal-membri, aktar persuni jiltaqgħu u jikbru fl-imħabba tagħhom lejn il-maħbub tagħna, Ġesù.

Il-membri Maltin telqu minn Malta nhar il-Ħamis, 16 ta’ Jannar 2025, u se jiltaqgħu ma’ Daniel Attard f’Manila nhar il-Ġimgħa, 17 ta’ Jannar 2025. Flimkien, bħala komunità waħda, se jivvjaġġaw lejn il-Provinċja ta’ Batangas biex jibdew il-qasam il-ġdid tas-Soċjetà.

Ejjew inżommu lil dawn l-erba’ missjunarji fit-talb tagħna ta’ kuljum u nkomplu nitolbu bil-ħerqa biex is-Soċjetà tinfirex f’aktar pajjiżi u taqsam il-messaġġ ta’ Ġesù madwar id-dinja.