Il-Gwardjan tal-Knisja ta’ Ġieżu, il-Patri Franġiskan Fr Ramon Farrugia stqarr li hu kien ħass is-sejħa tiegħu meta mar għall-missjoni fil-Kenja, liema esperjenza ħeġġitu jagħmilha t-tfajla tiegħu meta dak iż-żmien kien għarus. Spjega li qabel din l-esperjenza hu kien imbiegħed ħafna mill-Knisja u minn Alla u kien se jagħmilha biex jikkuntentaha biss ftit qabel is-safra ħassru u kienu fthemu li hu xorta waħda jmur jagħmel din l-esperjenza li effettivament bidlitlu ħajtu kompletament. Dan seħħ meta kellu 19-il sena imma għamel diversi snin jikkumbatti m’Alla u mar-realtajiet tal-passat u meta kellu 23 sena daħal għal din il-ħajja bbażata fuq il-passi ta’ San Franġisk.
Hu stqarr dan meta kien qed jieħu sehem fil-programm What’s On Newsbook li jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fl-12:05pm fuq RTK103 bi preżentazzjoni ta’ Gabriel Lia. Hu tkellem dwar il-missjoni u l-ħidma tagħhom u kif qed jippruvaw jikkolaboraw max-xogħol missjunarju li qed isir fil-Pakistan.
L-intervista kollha:
Bħala Franġsikani qegħdin preżenti f’ħafna pajjiżi minn madwar id-dinja tant li hemm 12,000 patri Franġiskan madwar id-dinja.Fil-preżent hemm anke Maltin fil-missjoni fosthom żewġ Isqfijiet il-Libja, żewġ isqfijiet fil-Honduras u żewġ patrijiet oħra fil-Honduras.
Fil-missjoni ħassu miġbud mill-Knisja li taqdi lill-fqir, “u xi ħaġa li ressqitni għal ħajja reliġjuża li kont qed nara ħafna sorijiet li minkejja l-faqar materjali kellhom ħafna ferħ li jien dak iż-żmien ma kellix,” kompla jgħid Fr Ramon. Wara l-Kenja mar l-Indja kif ukoll it-Tanzanija.
Għalfejn ħajja Franġiskana?
Hu jemmen li l-Mulej biċ-ċirkostanzi tal-passat tiegħu għenu jħossu eqreb lejn l-ideal li kien qed ifittex lil San Franġisk, figura li kienet u għadha tmisslu qalbu.
Qal li meta tmur il-missjoni tirċievi ħafna aktar milli tagħti. Semma li qalbu timtela’ bil-ferħ kull darba li jmur f’pajjiż missjunarju imma tgħallem ukoll li l-Mulej jagħtina sejħiet differenti u nkunu msejħin inservu fil-komunitajiet fejn qegħdin ukoll. Fakkar li l-missjoni tista’ tingħix f’Malta wkoll.
Malta għandha kollaborazzjoni mal-Indja għaliex għandha wkoll patri li jservi parti mill-komunità Indjana f’Malta u jqaddes waħda mill-quddies għal din il-komunità nhar ta’ Ħadd fl-12pm. F’Għawdex imbagħad hemm patri Filippin li qed jieħu ħsieb il-komunità Filippina f’Għawdex fuq talba tal-Isqof t’Għawdex.
Il-Franġiskani u l-Pakistan
Bħala ordni qed iħeġġu ħafna l-fraternità dinjija u l-kollaborazzjoni għaldaqstant Malta qed tikkolabora mal-Pakistan. Huma għamlu żjara qasira hemmhekk biex jaraw kif jistgħu jgħinu, u fil-fatt fi tmiem din il-Ġimgħa l-Knisja ta’ Ġieżu se tkun qed tilqa’ donazzjonijiet b’risq din il-ħidma fil-Pakistan.
Il-Pakistan hemm diversi djoċesijiet li kienu twaqqfu mill-patrijiet Franġiskani. Hemm realtà kbira ta’ mard u semma kif patri partikolari li huwa infermier idur bil-karozza sempliċi biex jagħmel żjarjar lill-ifqar fost il-fqar u grazzi għal dan is-servizz umli qed isalva ħafna ħajjiet. Semma li waħda mill-persuni li salva kienet propju omm wieħed mill-patrijiet tagħhom li kienet marida bil-malaria. Qed isir ħafna ġid mingħajr ħafna daqq tat-trombi. Hemm ukoll ħidma pastorali li qed tħalli ħafna frott b’mod speċjali ċ-ċelebrazzjonijiet tal-quddies. Semma dar tat-tfal b’kundizzjonijiet differenti bħal awtiżmu imma hemmhekk hemm nuqqas ta’ professjonijisti għaldaqstant hemm aktar tbatijiet.
Missitu ħafna l-ospitalità tagħhom. “Li tmur fi Knisja, jew fi djar u l-aktar nies li ma għandhom jridu jagħtuk rigal u l-mod kif jilqgħu persuna jlibbsulek kappell li jkunu xtrawlek u jlibbsuk xalla” qal Fr Ramon u kompla jgħid li kien hemm familja fqira li xtraw xalla biex qasmuha ma’ kulħadd tawhom biċċa żgħira. Il-ħajja tagħhom għada mdawra mal-knisja.
Jekk xi ħadd mhux se jkun il-Knisja waqt il-ġabra speċjali u jixtieq jgħin jista jibgħat fuq Revolut jew BOV Pay 99246768.
Il-bżonn u l-faqar huwa kbir, INT tista tagħmel differenza.
Minn Gabriel Lia
Sors: Newsbook Malta