Indirizz16, Triq Hompesch,
Zabbar
Websitewww.ccr-malta.orgEmailcharisma@onvol.netKoordinatur NazzjonaliSur Jude Muscat
AssistentSur Alessio Borg
Uffiċċju Tiġdid Kariżmatiku43A/1, St. Paul’s Modern Building
Triq il-Punent,
Valletta VLT 1532
Telefon2123 3206
Fax2124 4968
It-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku f’Malta ħa l-ewwel spinta formali tiegħu f’Mejju tal-1975 b’taħdita li kien ta Mr Brian Smith, Awstraljan, fl-Istitut Kattoliku.
Fi ftit xhur l-esperjenza friska u ġdida tal-laqgħat ta’ talb fl-Ispirtu xterdet f’diversi parroċċi f’Malta. Illum hawn madwar 70 grupp u komunità li jiltaqgħu f’paroċċi differenti, għalkemm mhux kull grupp jew komunità huma neċessarjament parti mill-parroċċa li jiltaqgħu fiha. Dawn il-gruppi u komunitajiet jiffurmaw Komunjoni ta’ gruppi u Komunitajiet ta’ Tiġdid Kariżmatiku sabiex jissaħħu fostna l-koperazzjoni, il-koresponsabbilità u l-koordinament tal-ħidmiet li permezz tagħhom nilħqu l-għanijiet tagħna għall-ġid tal-Knisja f’Malta.
Minħabba li l-karatteristika l-aktar b’saħħitha tat-Tiġdid Kariżmatiku hija l-libertà fl-Ispirtu, mhux faċli li wieħed jispjega jew jaqbad fi kliem in-natura tiegħu. Minkejja dan, illum il-Komunjoni Tiġdid Kariżmatiku għandha statut li jirregola n-natura u l-ħidma ta’ żewġ livelli ta’ tmexxija li jinsabu fi ħdanu: in-National Service Committee u l-Assemblea tal-Mexxejja. Dan bl-ebda mod ma jnaqqas l-individwalità ta’ kull grupp jew komunità, anzi huwa maħsub biex isaħħaħ il-kariżma u s-sejħa partikolari li għandu t-Tiġdid Kariżmatiku fil-Knisja Kattolika.
L-għan tat-Tiġdid Kariżmatiku hu tiġdid personali permezz ta’ għarfien ta’ Ġesù Kristu bħala Sid assolut tal-ħajja. Ġesù għalina huwa dak li jħabbibna ma’ Alla Missieru billi jkebbes ġo ħajjitna l-Ispirtu Qaddis tiegħu. Għalhekk it-Tiġdid jisħaq fuq “il-magħmudija fl-Ispirtu” jiġifieri esperjenza ta’ tiġdid ta’ dak kollu li seħħ fina fis-sagramenti ta’ l-inizjazzjoni.
Il-ħidma speċifika biex jintlaħaq dan l-għan hi l-laqgħa ta’ talb ta’ kull ġimgħa, imsieħba kull tant żmien, b’Life in the Spirit Seminars li huma proċess ta’ 8 ġimgħat li jqabbduk it-triq għal relazzjoni intima mal-Mulej li jagħti l-ħajja: L-Ispirtu s-Santu.