• ***

    Direttur:        Mike Flanagan
    Atturi:            Karen Gillan, Brenton Thwaites, Katee Sackoff
    Ħin:                103 minuti
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 15
    Klassifika tal-Knisja: 18
     
    Għaxar snin wara li Tim Russell sakkruh fi sptar mentali għax kien akkużat li qatel lil missieru Alan, issa li għandu 21 sena jħalluh joħroġ, l-aktar għax dan l-aħħar beda jaċċetta r-responsabilta’ għal qtil ta’ missieru wara snin sħaħ li kien jiċħad li għamel hekk. Hekk kif joħroġ jerġa’ jingħaqad ma’ oħtu Kaylie; fil-memorja tagħha Kaylie tiftakar li missierha miet mhux għax qatlu Tim imma bil-mod li ma jitwemminx li Tim dam isostni għal ħafna snin. Kaylie tinsisti li kemm missierha u kemm ommha Marie, kienu vittmi tal-qawwa malinja li kienet toħrog minn mera antika li missierha kien xtara biex iżejjen l-uffiċċju tiegħu fid-dar; dil-mera kienet kapaċi tnixxef il-pjanti u tmarrad il-kelb li kellhom. Kienet kapaċi wkoll tħawwad il-moħħ tal-bnedmin u twassalhom għal imġieba ossessiva u distruttiva, kif ukoll biex iwettqu vjolenza fatali kontra nies li jħobbu. Kaylie taħdem ma aġenzija tal-irkant u saret taf fejn dik il-mera qedha issa u ħaditha fil-possess tagħha għal ftit żmien. Il-ħsieb tagħha hu li tiddokumenta l-qawwa sopranaturali u qerrieda tagħha u mbagħad teqridha. Tim, xi ftit kontra qalbu, jaċċetta li jgħinha. Jinħoloq ħafna suspens hekk kif Tim ikun bejn ħaltejn dwar jekk jemminx dak li tgħid Kaylie jew inkella jekk jibqgħax iżomm dak li kien qallu l-psikjatra. Il-linja mċajpra li l-mera tippreżenta twassal biex wieħed ma jkunx ċert x’inhu reali u x’inhu illużjoni.
     
    Film tal-biża’ interessanti u differenti mis-soltu li fih aktar suspens milli qtajja. L-atturi, għalkemm mhumiex magħrufin wisq, jaħdmu parti tajba ħafna. Fih għadd konsiderevoli ta’ vjolenza u dmija, anke fuq tfal, kontenut sesswali, u xi kliem ħażin u baxx.  Jgħodd għal udjenza adulta.