-
-
****
Direttur: Antonio Negret
Atturi: Scott Eastwood, Freddie Thorp, Ana de Armas, Gaia Weiss, Clemens Schick, Joshua Fitousi, Laaris u Lester Makedonsky
Ħin tal-Film: 93 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Andrew u Garret Foster huma aħwa tar-rispett. Ix-xogħol tagħhom kien li jisirqu karozzi lussużi u bil-kuntatti li kellhom kienu jsibulhom bejgħ fuq suq internazzjonali. Din id-darba nassistu għal serqa ta’ karozza rari ħafna, Bugattti, li waqt l-irkant ġewwa Franza, ġabet is-somma ta’ 400 miljun Euro. Andrew u Garret ma kienux jafu li din il-karozza kienet inxtrat minn Jacomo Morier, kap ta’ kriminali ġewwa Marseille. Ma’ Morier ma kontx tiċċajta u ma damux ma sabu ma’ wiċċhom in-nies ta’ Morrier meta dawn ippruvaw ibiegħu din il-karozza.
X’jistgħu jagħmlu issa li sabu l-qilla u r-rabja ta’ Morrier li ma kien jaħfirha lil hadd? Iżda f’dan il-każ, Andrew u Garret, biex ma jieħdux il-kastig li kienu fiċ-ċert li kien sejjer imisshom, joffru proposta lil Morrier, li biex iżid mal-kollezzjoni li kellu ta’ karozzi lussużi, huma jġibulu, billi jisirquha, karozza lussuża oħra li hu ma kellux. Din il-karozza Ferrari kienet ta’ Max Klemp, negozjant kbir u rival ta’ Morrier. Morrier jaċċetta din il-proposta b’kundizzjoni li dan kellu jseħħ f’gimgħa. L-aħwa jaċċettaw għax wara kollox ma kellhomx għażla x’jagħmlu.
Għalhekk f’qasir żmien jirnexxilhom jirreklutaw tim li seta’ jgħinhom biex iwettqu din is-serqa. Fost dawn kien hemm Stephanie, l-għarusa ta’ Andrew u l-ħabib tagħha, Devin, li kien ħalliel gwapp tal-bwiet. Morrier ma kienx sejjer iħallihom kwieti u għalhekk assenja magħhom il-kuġin tiegħu kif ukoll żewġ aġenti mill-Interpol biex iżommu għajnejhom fuqhom. Il-jum tas-serqa wasal u l-aħwa li ppjanaw is-serqa b’reqqa kbira, taw bidu għall-eżekuzzjoni għal dak li kellhom f’moħħhom. Iżda fil-fatt x’kien eżatt dan il-pjan u kif kienu sejrin iwettquh? Fi żgur kien sejjer ikun hemm sorpriża kbira!
Film Amerikan, bi storja tajba u mimli azzjoni li jżommok fuq ix-xwiek għal ħafna ħin. Hu taħt id-direzzjoni ta’ Antonio Negret, kitba ta’ Michael Brandt u Derek Hass. Minħabba vjolenza kif ukoll xi kliem baxx u goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il-sena.