• Direttur: Morten Tyldum

    Atturi: Jennifer Lawrence, Chris Pratt, Michael Sheen, Laurence Fishburne, Andy Garcia u  Aurora Parrineau

    Ħin tal-Film: 116 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:12

    Il-vettura spazjali, Starship Aviation, tinsab fi vjaġġ għal pjaneta kolonja mbegħda, magħrufa bħala “Homestead Colony”. Dan il vjaġġ kellu jieħu 120 sena biex jasal fid-destinazzjoni tiegħu. Fuqu kien hemm mal-5,259 persuna, kollha mixtieqa li jibdew ħajja ġdida f’din il-kolonja ġdida. Dawk kollha li kienu fuq din il-vettura kienu jinsabu f‘animazzjoni sospisa. Fosthom kien hemm  Jim Preston li bla mistenni jqum desgħin sena qabel il-waqt għaliex il-vjaġġ kellu jieħu 120 sena. Jim isib ruħu waħdu ħlief għal Arthur, robot, li kien  jieħu ħsieb il-bar. Biex ma jibqgħax  waħdu, Jim jqajjem lil Aurora Lane, kittieba li kien sar jafha permezz tal-kotba tagħha. Kemm Jim kif ukoll Aurora jibdew jirrealizzaw li kien baqgħalhom desgħin sena oħra biex jaslu. Jim b‘att egoistiku poġġa lil Aurora u lilu stess, bla ma qatt ma kien mistenni, f’qagħda mwegħra ħafna; l-ewwel problema kif sejrin isalvaw ħajjithom u t-tieni jaraw jekk il-passiġġieri l-oħra kienux jinsabu fil-periklu huma wkoll. Il-fatt li kien hemm nuqqas ta’ funzjonament b’mod sodisfaċenti fil-każ taghhom, seta’ jkun hemm ukoll għal kumplament tal-passiġġieri.  Jim u Aurora jsibu ruħhom  f’deċiżjonjiet u għażliet li jkollhom jagħmlu. Barra l-qagħda li kienu jinsabu fiha kien hemm ukoll ir-relazzjoni li bdiet tinbena bejn it-tnejn, b’karattri differenti u fi stat ta’ biża’ ta’ x’kien sejjer isir minnhom jekk ma jsibux soluzzjoni għal qagħda li kienu jinsabu fiha. B’xorti tajba Jim li kien iddeċieda li jmur fil-vjaġġ kien jaħdem bħala nġinier mekkaniku li allura kien f’qagħda li jagħmel xi ħaġa. Bis-sengħa li kellu seta’ jagħmel xi ħaġa biex isolvi l-problema. Tgħid jirnexielu li jsib soluzzjoni tant hekk diffiċli. Kif sejra tispiċċa din l-avventura?  Xi jsir minn Jim u Aurora?

    Film Amerikan ta’ fantaxjenza iżda wkoll bi storja romantika, hu taħt id-direzzjoni ta’ Morten Tyldum u kitba ta’ Jon Spaihts. Vettura spazjali enormi  kienet fi triqta lejn pjaneta kolonja li biex tasal hemm kellha vjaġġ quddiema ta’ 120 sena. Wara tletin sena fit-triqta, tinħoloq problema serja għaż-żewġ protoganisti tal-film, Jim u Aurora li kienu qamu qabel il-waqt, desgħin sena qabel. Minħabba xi mġieba  ta’ mħabba, kif ukoll xi kliem goff u xeni li jistgħu jimpressjonaw, ikun aħjar li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax -il sena.