Patri Hilary Tagliaferro OSA, Caritas Malta u d‑Dar tal‑Providenza rċevew premju minn Sport Malta għall‑impenn tagħhom fil‑komunità permezz tal‑isport.
Waqt is‑serata tal‑premjazzjoni, id‑Direttur ta’ Caritas Malta Anthony Gatt, il‑Kap Eżekuttiv tad‑Dar tal‑Providenza Nadine Camilleri u Patri Hilary Tagliaferro, għarfu l‑ħidma ta’ Sport Malta u apprezzaw l‑unur ‘Fostering Generosity and Community Through Sport’ u spjegaw is‑sabiħ li joffru dixxiplini differenti fejn jagħtu anki żvog pożittiv f’ħajja tant mgħaġġla.
Patri Hilary Tagliaferro OSA ġie rikonoxxut għall‑ħidma kbira tiegħu matul is‑snin fejn tkellem u ħeġġeġ persuni sabiex jersqu u jipprattikaw il‑futbol. Hu kien ukoll il‑moħħ sabiex twaqqfet il‑Youth Football Association f’Malta.
Caritas Malta ngħatat il‑premju għall‑impenn tagħha li tuża l‑isport bħala għodda fir‑riabilitazzjoni mid‑droga u kif ukoll bħala għodda preventiva biex tħajjar il‑pubbliku għall‑attivita sportiva b’mod partikolari permezz tal‑Caritas Run for Life li issa se ssir it‑3 edizzjoni tagħha fit‑2 ta’ Marzu 2025. Dan hu t‑tieni premju li rċeviet Caritas b’rabta mal‑ħidma tagħha hekk kif is‑sena li għaddiet ġiet onorata bil‑President’s Award ta’ MESA (Malta Employee Sports Association).
Id‑Dar tal‑Providenza għal diversi snin impenjat numru kbir ta’ żgħażagħ biex f’Lulju ta’ kull sena tittella’ l‑maratona tal‑volleyball b’risq il‑ħidma li ssir mar‑residenti tad‑Dar. Permezz ta’ din id‑dixxiplina sportiva, il‑parteċipanti tal‑maratona jifhmu aktar is‑servizz li toffri d‑Dar tal‑Providenza.