-
-
****
Direttur: Ron Howard
Attur prinċipali: Luciano Pavarotti
Ħin tal-Film: 115 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAL-FILM: 12A
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12
Għaddew tnax-il sena mill-mewt tat-tenur Luciano Pavarotti. Kellu sebgħin sena meta nħakem mill-marda tal-kanċer u f’qasir żmien tilef il-battalja għal ħajja. Pavarotti jibqa’ magħruf bħala wieħed mill-ikbar tenuri li qatt rat id-dinja. Il-bidu tal-film/dokumentarju fuq il-ħajja tiegħu, jeħodna ġewwa l-Amazon fl-1995 meta Pavarotti kien qiegħed jagħti kunċert fl-Amerika t’isfel. Hu xtaq li jmur jagħmel żjara fit-Teatru Amazon ġewwa Manaus fejn il-famuż Caruso darba kien kanta.
Il-kronoloġija tal-film tirrispetta ħafna dak li seħħ fl-ewwel snin ta’ ħajtu meta insiru nafu wkoll xi ftit fuq il-familja tiegħu, fosthom lil missieru li kien furnar u kien ikanta bħala tenur fil-kor tal-knisja lokali. F’dak iż-żmien kienu popolari ħafna l-ġbid ta’ films super-eight. B’xorti tajba, numru minn dawn il-films miġbuda minn membri tal-familja, juruna r-rispett u l-affezzjoni tal-familja lejn xulxin. Pavarotti stess jiddeskrivi l-imħabba tal-ewwel mara li kellu, Adna Veroni u t-tfal bniet li kellu minn dan iż-żwieġ fi żmien ħames snin. Veroni stess kienet ta’ appoġġ finanżjarju għal Luciano fil-bidu tal-karriera tiegħu. Bla dubju ta’ xejn dawn is-snin kienu snin ta’ ferħ għall-familja tiegħu għalkemm Luciano beda spiss jivvjaġġa biex jagħti kunċerti.
Fil-film joħroġ ċar li kemm Adna u kif ukoll it-tlett ibniet kienu intelliġenti u attraenti. Min-naħa l-oħra Pavarotti kien bniedem ġeneruż u ħanin, jaf jiċċajta u li l-preżenza tiegħu dejjem kienet iġib ferħ kbir fejn kien ikun. Id-dixxiplina li artist ikollu jipprattika minħabba l-vjaġġi spiss li jkollu jagħmel, xejn ma kien faċli għalih għax kienu jżommuh ‘l boghod mid-dar. Sfortunatament din it-tip ta’ ħajja ma għenitux biex il-famija tibqa’ magħquda. Pavarotti kien jibbrilla l-aktar fl-opri bħal “La Boheme” u “Tosca”. Hu beda jkun imfittex. F’wieħed mill-ikbar kunċerti li baqa’ msemmi kien il-kunċert ta’ Three Tenors, Placido Domingo, Josè Carreras u Pavarotti taħt it-tmexxija tas-surmast tal-orkestra, Zubin Mehta. Il-flus li Pavarotti kien idaħħal mill-kunċerti, ħafna minnhom kienu jmorru għal karità għalkemm dawn l-għotjiet ġraw fl-istess żmien meta faqqa’ l-iskandlu ta’ relazzjoni ta’ mħabba li Pavarotti beda u li żviluppat f’familja ġdida. Għalkemm Adna tħawdet sew iżda dejjem baqgħet iżżomm lil Luciano fi stima kbira u dan joħroġ ċar fl-intervisti li tat għal dan id-dokumentarju.
Film-dokumentarju fuq il-ħajja ta’ tenur ta’ fama li għalkemm m’għadux magħna iżda jibqa’ ħaj għal min iħobb il-mużika klassika l-aktar l-opra. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Ron Howard u kitba ta’ Mark Monroe.