-
-
Direttur: Edward Zwick
Atturi: Tobey Maguire, Peter Sarsgaard, Liev Schreiber, Michael Stuhlbarg, Lily Rabe u Robert Weigert.
Ħin tal-Film: 115 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Bobby Fisher, minn tfulitu kien ibati minn paranoja, minn biżà kbir li hemm spjuni sovjetiċi qegħdin isegwu l-passi tiegħu. Ommu, li kienet immigranta Russa, kienet konxja b’din il-biżà li kien juri binha u kienet tgħidlu li ġewwa l-Amerka kien hemm il-biża’ ta’ rivoluzzjoni soċjalista u għalhekk kien hemm xi ħadd jispjuna fuqhom. Fisher ta’ età żgħira kien ġa sar espert fil-logħba taċ-ċess u ommu għalkemm kienet titħasseb ħafna li kien sar ossessjonat fuq din il-logħba, ħaditu ġewwa klabb taċ-ċess għall-adulti.
Fisher jimpressjona liċ-chessmaster residenti u jaċċettah bħala student. Hu beda jiltaqa’ ma’ professjonisti mondjali taċ-ċess li kienu midħla f’kompetizzjonijet internazzjonali. F’qasir żmien isir l-iżgħar chessmaster. Sfortunatament, minħabba l-istress personali beda jkollu mumenti li jisplodi malajr.
F’kampjonat ġewwa l-Bulgarija, beda jissuspetta li kien qiegħed jiġi isolat. Daħħalha f’rasu li qatt ma hu sejjer ikollu ċ-ċans li jirbaħ xi tournament bir-regoli stabbiliti. Riżultat ta’ dan. Fisher jitlaq mit-tournament kif ukoll mill-karriera li kien qabad.
Lura lejn l-Amerika, avukat joffrilu li jgħinu jbiddel ir-regoli ta’ dawn it-tournaments internazzjonali. Fisher jerġa’ jidħol fid-dinja professjonali tal-logħba taċ-ċess. Bħala għajnuna, għażel lil William Lombardy, eks-ċampjin mondjali fil-kategorija taż-żgħar. Lombardy, kien sar saċerdot u ħadem ħafna biex jikkalma lil Fisher meta dan kien jitlob iżżejjed. Dan għen ħafna biex Fisher jibda jirbaħ tournament wara l-ieħor. Fi żmien qasir, rebaħ lil ħafna chessmasters mondjali u fl-Amerika sar magħruf sew tant li beda jkollu fiduċja żejda fih innifsu. Riżultat ta’ dan, meta lagħab kontra ċ-ċampjin mondjali, Boris Spassky, tilef.
F’dak iż-żmien, id-dinja ħielsa kienet fi Gwerra Bierda kontra l-Unjoni Sovjetika. L-Amerika xtaqet ħafna li tisfida lill-Unjoni Sovjetika għall-kampjonat dinji taċ-ċess. Il-White House tefgħat għajnejha fuq Fisher. Il-logħba storika ġiet appuntata biex tintlagħab ġewwa Reykjavik. X’jiġri minn hawn?
Film Amerikan, dramm biografiku fuq Bobby Fisher, plejer kbir taċ-ċess li qatt rat id-dinja. Il-qofol tal-film jeħodna fis-sena 1972, fi żmien il-Gwerra Bierda meta l-Amerika u l-Unjoni Sovjetika jiġu wiċċ imb’wiċċ f’taqtiqa bejn żewġ chessmasters: Fisher vs Spassky . Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Edward Zwick, kitba ta’ Steven Knight. Tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.