Fid-dawl taż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta, l-Arċidjoċesi ta’ Malta qed tniedi proġett bl-isem ta’ rethink.mt: Rethink culture.

rethink.mt hu spazju għal djalogu b’rispett dwar kwistjonijiet kumplessi li qed isawru l-kultura Maltija. Bil-kontribuzzjoni tal-Vikarjat għall-Evanġelizzazzjoni u s-sehem tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, dan il-proġett ħa jġib flimkien numru ta’ nies attivi fis-soċjetà Maltija, li ħa jiddiskutu t-tip ta’ kultura li nixtiequ nibnu flimkien.

Minkejja għarfien dejjem akbar dwar il-fatt li l-mudell ekonomiku tagħna m’huwiex sostenibbli, m’aħniex nersqu lejn mudelli ġodda ta’ kif nivvjaġġaw, nikkunsmaw u nibnu. L-inċentivi biex ninkuraġixxu b’mod ġentili lin-nies biex jadottaw stili ta’ ħajja aktar sostenibbli, waħedhom ma jidhrux li huma biżżejjed. Forsi wasal iż-żmien li nippenalizzaw ċerti għażliet, permezz per eżempju ta’ taxxi ambjentali li jirriflettu l-prezz reali tal-ħsara ambjentali?

Mal-professur Maria Attard, li tmexxi d-Dipartiment tal-Ġeografija u l-Istitut tal-Iżvilupp Sostenibbli fl-Università ta’ Malta u Dr Marie Briguglio, lettura fl-Università ta’ Malta fil-qasam tal-Behavioural Economics and Environmental Economics, nitkellmu dwar il-bżonn urġenti li nadottaw mudell ekonomiku u soċjali iktar sostenibbli. Insemmu wkoll ir-responsabiltà tal-politiċi li jipprattikaw dak li jippritkaw u dwar ir-rabtiet bejn il-ġustizzja soċjali, il-ħsara ambjentali u l-parteċipazzjoni politika.

Artikli marbutin ma’ din it-tema: