Integrità
Int biss, Mulej,
taf il-ħafna wċuh tad-dnub tiegħi.
Id-dnub nifidli qalbi
u ggranfa miegħi
qisu parassita
li jgħix minn fuqi
u jixrobli demmi.
Ma rridx nieqaf, Mulej,
milli nħaffef bil-ġiri
lejn ħajja trasparenti ta’ integrità
li jien imsejjaħ għaliha!
Kemm ili, Mulej,
niġma t-tensjoni
u naqa’ biċċiet
waqt li nipprova ngħixha?
Kemm ili bħal wieħed ferut
mgħobbi b’ħafna tensjoni
nipprova nsib il-fejqan?
Jien nemmen tassew,
għax int għallimtni
li d-dnub tiegħi
ma jbiegħedx minni
l-imħabba tiegħek,
għax int Mulej,
qatt ma stennejt l-integrità minn uliedek!
Lil uliedek, int titlobhom biss
li jwasslu t-tenerezza tiegħek fl-art
billi juru atteġġament ta’ ħniena
waqt li jiżirgħu l-ġustizzja
u joħolqu spirtu ta’ aħwa!