-
-
***
Direttur: Lucia Aniello
Atturi: Scarlett Johansson, Kate McKinnon, Jillian Bell, Ilana Glazer, Zoe Kravitz, Paul W.Downs, Demi Moore u Ty Burrell
Ħin tal-Film: 101 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Fl-2006, erba’ tfajliet studenti, Jess, Alice, Frankie u Blair isiru tassew ħbieb tal-qalb meta kienu jistudjaw flimkien ġewwa l-Kulleġġ. Għaxar snin wara jerġgħu jiltaqgħu hekk kif Jess kienet waslet biex tiżżewweġ lill-għarus tagħha, Peter. Alice tipproponi li l-erba’ li huma jmorru Miami għal tmiem-il ġimgħa bil-ħsieb li jgħaddu jumejn flimkien jiddevertu.
Ma’ dawn l-erba’ ħbieb tingħaqad, Pippa, il-ħabiba ta’ Jess li kienu saru ħbieb meta Jess kienet marret tistudja għal tliet xhur ġewwa l-Awstralja. Il-ħsieb tagħhom kien li jiddevertu kemm jistgħu tant li ddeċiedew li anke jikru stripper maskili. Dan ma jdumx ma jasal fil-villa. Jess ma bdietx tħossha komda miegħu għax kien goff fil-kliem tiegħu. Għalhekk, Alice tiddeċiedi li tkun hi li tagħmel xi ħaġa biex b’hekk kulħadd jibda jħossu komdu. Ta’ mara goffa li kienet, meta qabżet fuqu, it-tnejn waqgħu fuq xulxin b’riżultat li l-istripper ħabat rasu ma’ xifer ta’ tarġa u bid-daqqa li ħa, baqa’ mejjet.
Issa x’sejrin jagħmlu hekk kif sabu ruħhom f’din il-qagħda serja? Jess ċemplet lil Peter biex tgħidlu li kienu krew stripper għal-lejl. Dan min-naħa tiegħu ħaseb li Jess kienet ħassret l-għerusija u għalhekk iddeċieda li jara kif jagħmel u jmur lejn Miami biex jara x’ġara. Sadanittant, dawn iċemplu liż-żiju ta’ Blair li kien avukat u għamilha ċara magħhom li jekk kienu caqalqu l-katavru kien hemm ċans li jeħlu ħmistax-il sena ħabs, sakemm l-ġisem tal-mejjet ma jinstab imkien. Għalhekk l-erba’ nisa jiddeċiedu li jitfgħu l-katavru fil-baħar. Iżda x’jiġri wara li jagħmlu dan? Min kien tassew dak l-istripper li qatlu aċċidentalment? Ftit ħin wara jħabbat il-bieb ġuvni liebes ta’ pulizija. Il-qagħda tkompli titħawwad tassew! X’isir minn hawn?
Film Amerikan u kummiedja, hu taħt id-direzzjoni ta’ Lucia Aniello, kitba ta’ Aniello u Paul W. Downs. Minħabba li l-film fih ħafna qagħdiet sesswali, b’imġieba xejn ma tixraq, kif ukoll użu ta’ droga, koabitazzjoni, ċajt vulgari, kif ukoll kliem pervers u goff, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.