• Runner Runner

  • Direttur:          Brad Furman

    Atturi:             Justin Timberlake, Gemma Arterton, Anthony Mackie, Ben Affleck, David Costabile, Sam Palladio u Oliver Copper

    Ħin tal-film:    91 min

    Maħruġ minn KRS Film Distributors

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:     15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:          18

    Richie Furst kellu karriera tas-suċċess f’Wall Street. Minħabba f’hekk  ma kienx jirċievi għajnuna għat-tagħlim ġewwa l-universita`  ta’Prineton fejn kien qiegħed jipprova jikseb grad ta’ ‘masters’. Biex ikun jista’ jħallas għall-istudji tiegħu, kien jirreferi l-istudenti għal-logħob tal-azzard fuq l-internet u ta’ dan kien jieħu kummissjoni żgħira. Din l-attivita` xejn ma għoġbot l-awtorita` tal-universita` u Ritchie kellu jieqaf jagħmel dan. Biex jipprova jgib l-flus jipprova ħiltu fuq il-logħba tal-poker. Iżda meta għamel dan,  tilef il-flus kollha li lagħab minn xi hadd qarrieq. Ritchie kien lest li jipprova dan permezz ta’ statistika li hu kien kapaċi jaħdem fuqha. Għalhekk hu jmur Costa Rica biex jiġi wiċċ imbwiċċ ma’ Ivan Block li kien immexxi l-ikbar imperu tal-logħob tal-azzard fid-dinja permezz ta’ websites fejn fil-fatt Ritchie kien tilef flusu kollha. Meta Ivan jifli l-istatistika li kien ħadem fuqha Ritchie, isib li l-kowders kienu abbużaw fis-software biex b’hekk ikunu jistgħu jqarrqu bin-nies. Ivan għalhekk ikkeċċi mix-xogħol lil dawn il-qarrieqa u jwiegħed lil Ritchie li kien lest li jħallsu l-miljuni jekk hu kien lest li jassistih fix-xogħol tiegħu.  Sadanittant, Ritchie jibda relazzjoni ma’ Rebecca Shafran, l-eks-maħbuba ta’ Ivan. Minnaħa l-oħra l-FBI, taħt it-tmexxjija tal-aġent Shavers, jaħtaf  lil Ritchie  u jheddu li jekk ma jikkoperax miegħu biex jarresta lil Ivan Block, hu kien sejjer isib ruħu fil-frisk. Maż-żmien Ritchie jibda jintebaħ li l-organizzazzjoni ta’ Ivan xejn ma kienet etikament korretta.  X’jiġri meta Ivan jibgħat lil Ritchie biex ixxaħħam lil Herrera, direttur ta’ kumpanija tal-azzard.  Ritchie jkompli jiskopri li wara kollox Ivan ma kienx ħlief bniedem korrott u mbruljun. Kif sejjer jagħmel biex iġib fix-xejn lil Ivan qabel dan iġib fix-xejn lilu kif fil-fatt Rebecca svellatlu li kien qiegħed jagħmel. Tgħid  jirnexxielu?   

    Film bi storja tajba iżda moralment xejn m’hi korretta. Minħabba xeni ta’ mġieba xejn tajba, logħob tal-azzard, kliem goff kif ukoll xeni ta’ vjolenza, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.