• **

    Diretturi: Conrad Vernon u Greg Tiernan

    Ilħna: Seth Rogen, Kristen Wiig, Jonah Hill, Bill Hader, Michael Cera, James Franco, Danny McBride, Craig Robinson, Paul Rudd u Nick Kroll

    Ħin tal-Film: 88 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18

     Is-Supermarket Shopwell’s, bl-ikel kollu li wieħed seta’ jimmaġina u li setgħa kien hemm, kienu jikkonsidraw li n-nies kollha li kienu jiġu biex jixtru minn hemm kienu sejrin jeħduhom f’dinja oħra aktar sabiħa u komda għalihom. Zalzett, bl-isem ta’ Frank,  dejjem kien joħlom li xi darba kien jinxtara biex isib ruħu f’dinja aħjar.Dan xtaq jagħmlu ma’ Brenda, bezzun, ħabiba tal-qalb. Frank u Brenda, jum wieħed, jiġu magħżula  u jinxtraw, iżda hekk kif kienu waslu fejn kien isir il-ħlas, jiltaqgħu ma’ vażett mustard honey li jwiddibhom li dak li dejjem kienu jemmnu ma kien veru xejn. F’ħabta aċċidentali,  Frank, Brenda, Kareem, Sammy u Douche, isibu ruħhom ‘l barra mit-trolley. Sfortunatament, Douche jikser parti minnu u disgrazzjatament isib ruħu mitfugħ bħala trash. Douche jagħti tort lil Frank u jaħlef vendetta kontra tiegħu. Frank, Brenda u l-oħrajn isibu posthom fejn kienu. Issa li Frank isib ruhu minn fejn kien, jibqa’ jaħseb f’dak li qal il-vażett tal-mustard honey. Biex jibda l-investigazzjoni, Frank jieħu miegħu lis-sħabu fil-parti tal-ħanut li kien hemm ix-xorb tal-ispirtu fejn hemm jiltaqa’ ma’ Firewater li kien magħruf li kien intiż ma’ dak li kien jinsab barra. Hawn jiltaqgħu ma’ Teresa li tibda turi nteress fi Brenda. Minn Firewater, Frank isir jaf li dawk li jixtru l-prodotti li kienu kkonsidrati bħala allat, wara kollox dawn kienu jikluhom. Twinkie jħajjar lil Frank biex iżur is-sessjoni fejn kien hemm il-friża u hemm għandu jsib prova biżżejjed ta’ dak li kien qiegħed jingħad. Tgħid  fl-aħħar Frank u sħabu ssibu l-verita’ kollha?  Xi tkun ir-reazzjoni ta’ Frank meta jinduna li wara kollox kienu ġew mqarrqin?    

    Film Amerikan animat ikkomputerezzat għall-adulti, kummiedja, hu taħt id-direzzjoni ta’ Greg Tiernan u Conrad Vernon, kitba ta’ Kyle Hunter, Ariel Shaffir, Evan Goldberg  u Seth Rogen.

    Il-film hu parodija, fejn niltaqgħu ma’ ħafna prodotti tal-ikel fosthom iż-zalzett Frank u l-bezzun Brenda li kienu jemmnu  li jekk jinxtraw kienu sejrin isibu ruħhom f’dinja aħjar. Dan it-twemmin kollu jinbidel hekk kif Frank, Brenda u xi prodotti oħra, jsibu ruħhom imdaħħlin f’inċident serju. Minħabba mġiba perversa, kliem goff u ċajt kif ukoll l-istorja fiha nfisha, jitlob li dan il-film jarawh il-kbar biss.