• Saving Mr. Banks

  • *****

    Direttur:          John Lee Hancock

    Atturi:             Emma Thompson, Tom Hanks, Paul Giamatti, Jason Schwartzman, Bradley Whitford, Colin Farrell, Annie Buckley, B. J. Novak u Ruth Wilson

    Ħin tal-film:    125 min.

    Maħruġ minn KRS Film Distributors

     

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      U

     

    It-tfal bniet ta’ Walt Disney xtaqu ħafna li missierhom  li jtellha fuq il-liżar taċ-ċinema l-istorja tal-ktieb favorit tagħhom:  “Mary Poppins” tal-kittieba  Pamela  L. Travers. Minħabba l-insistenza tagħhom, Walt jċedi għat-talba tagħhom mingħajr qatt ma rrealizza li din il-wegħda kellha tiħu għoxrin sena biex  titwettaq.  Walt  jagħmel ħiltu kollha biex jakkwista d-drittijiet mill-kittieba, iżda kien kollu għal xejn għaliex Travers żammet sħiħ li d-drittijiet tal-istorja jibqgħu tagħha. Travers qatt ma kienet lesta li ċċedi pulżier sakemm maż-żmien, il-ktieb “Mary Poppins” ma tantx baqa’ jinxtara b’riżultat li l-flus li Travers kienet iddaħħal bdew jonqsu sew. Għalhekk kontra qalbha, hi taċċetta li tmur Los Angeles biex hemm tiltaqa’ ma’ Walt u tiddiskuti miegħu l-pjanijiet li  kellu biex jtellgħa din l-istorja għal fuq il-liżar taċ-ċinema. Dan kien fis-sena 1961 u Walt u Travers iltaqgħu biex jaraw  x’possibilita` kien hemm li din il-ħolma qatt isseħħ. Ma kienitx faċli biex Walt  jipperswadi lil Travers fuq il-pjanijet  li kellu, fosthom użu ta’ animazzjoni , b’kant mexxej, annimali jiżfnu u Mary Poppins itir permezz ta’ umbrella li kienet dejjem iġorr magħha. Travers għal dawn il-pjanijiet xejn ma ħadet pjaċir u kien hemm waqtiet meta l-ħolma kollha li kellu Walt tisfaxxa fix-xejn minħabba l-fatt li Pamela Travers ftit li xejn kienet lesta għal kompromess. Din il-problema daħlet  f’qoxortu lil  Walt u  ġegħletu jaħseb fuq it-tfulija tiegħu u li għenitu jifħem ukoll lil Travers u t-tfulija diffiċli tagħha ġewwa l-Awtralja fejn hemm trabbiet ġewwa familja fejn il-missier kien bankier iżda minħabba li kien alkoħoliku mhux biss tilef ix-xogħol, iżda wkoll ħajtu. Permezz ta’ flexbeks, Travers flimkien ma’ Walt, jirnexxielhom jilliberaw lilhom infushom minn kull xkiel li kien qieghed iżżommhom milli jipproduċu wieħed mill-isbaħ films li qatt deħru fuq il-liżar taċ-ċinema.

    Film maħdum tajjeb ħafna, b’sengħa kbira, b’atturi ta’ esperjenża u  bi storja umana li joħroġ  ċar  il-karattri ta’  Walt u Travers. L-istorja hija mexxejja, b’siltiet mill-film: Mary Poppins.  Żgur għandu jogħġob lil kulħadd. Ta’ min wieħed jarah.