-
-
***
Direttur: Jake Kasdan
Atturi: Cameron Diaz, Jason Segel, Rob Lowe, Rob Corddry, Ellie Kemper
Ħin: 90 minuta
Klassifika taċ-Ċensura: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Annie toħloq blog dwar it-trobbija tat-tfal u titfa’ fih ir-relazzjoni sesswali li hi u l-futur raġel tagħha Jay kellhom qabel ma’ żżewġu. Hija kienet ħarġet tqila u għalhekk hi u Jay iżżewġu. Wara li twieldet din it-tarbija kellhom tarbija oħra. Annie u Jay huma kuntenti bil-ħajja tagħhom imma kemm minħabba li jridu jieħdu ħsieb żewġt itfal żgħar u kemm minħabba l-esiġenzi tax-xogħol ir-relazzjoni sesswali tagħhom issa birdet. Bil-għan li jerġgħu jkabbru l-entużjażmu sesswali tagħhom iħallu t-tfal għand in-nanniet u jqattgħu lejl jagħmlu kull ħaġa li hemm imniżżla fil-ktieb The Joy of Sex. Biex din l-esperjenza tkun aktar eċċitanti Annie tissuġġerixxi li jirrekordjaw fuq video dak li jkunu qed jagħmlu bil-kundizzjoni li l-għada jħassruh dan il-video. Iżda minflok ma jħassru Jay bi żbal japplodja l-video lil diversi nies, fosthom tal-familja, ħbieb, kif ukoll lil Hank, sid fabbrika tal-ġugarelli li Annie tkun qed tipprova tipperswadih jisponsorja l-blog tagħha. Għalhekk Jay u Annie malajr iħabirku kemm jifilħu biex jiġbru lura dawk il-videos.
Film kummiedja. Minkejja li fih element tajjeb, l-imħabba ta’ koppja lejn xulxin, l-orjentament tal-film hu wisq sesswali, b’ċajt baxx u fil-biċċa l-kbira fjakk. Il-film fih kontenut sesswali, nudita’, teħid tad-droga, u ħafna kliem sesswali u kliem ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.