• *****

    Direttur: J. J. Abrams

    Atturi: Harrison Ford, Mark Hamill, Carrie Fisher, Adam Driver, Daisy Ridley, John Boyega, Oscar Isaac, Lupita Nyong’o, Andy Serkis u Domhnall Gleeson

    Ħin tal-Film: 135 min

    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd

     

    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: PG

    KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12A

    Film Amerikan tant mistenni minn ħafna deletanti ta’ din is-sensiela ta’ films li ħarġu matul is-snin. Dan huwa s-seba’ wieħed u żgur mhux sejjer jiddiżappunta lil dawk kollha li jmorru jarawh. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ J.J. Abrams li wkoll kien wiehed mill-prodduturi u kittieba. Fost il-ħafna atturi li jieħdu sehem,  insibu lil Harrison Ford, Mark Hamill, Carrie Fisher u John Boyega.  L-istorja tal-film isseħħ tletin sena wara l-avventuri tal-film:  Return of the Jedi. Il-film:  The Force Awakens,  hu l-ewwel wieħed minn tlieta li l-kumpanija Walt Disney qegħda tieħu ħsieb matul dawn is-snin li gejjien. Il-kumpanija Walt Disney kienet akkwistat il-Lucasfilm f’Ottubru tas-sena 2012 u l-pruduzzjoni tal-film tħalliet f’idejn il-president Kathleen Kennedy, Abrams u l-kollaboratur tiegħu Bryan Burk. Flimkien ma’ Abrams,  daħal għal biċċa xogħol iebsa fil-kitba, l-awtur Lawrence Kasdan li kellu sehem ukoll fit-tliet films li ħarġu fis-snin tmenin: The Empire Strikes Back u Return of the Jedi. Hu ppjanat li fis-sena 2017 joħroġ Episode VIII u t-tielet l- ieħor fis-sena 2019. Żgur id-deletanti sejrin jistennew b’ħerqa kbira l-pruduzzjonjiet ta’ dawn il-films. Għal dan il-film li hu mistenni li jmur tajjeb fil-box office u ttammat li jiġbor il-fuq minn Biljun Dollaru. Il-film qam lill-kumpanija l-fuq minn $200 Miljun, somma mhux żgħira iżda meta wieħed jara l-film żgur li jirrealizza kemm xogħol sar u għaliex qam daqshekk.

    Il-film jeħodna tletin sena wara l-avventuri ta’: Return of the Jedi,  fejn l-Alleanza Rebella offriet   reżistenza qawwija lill-Imperu Galactiv. Minħabba xi xeni ta’ vjolenza kif ukoll xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena iżda dawk taħt it-tnax,  jekk ikunu akkompanjati minn xi adult, ikunu jistgħu jarawh  ukoll. Xi xeni jistgħu jimpressjonaw.