-
-
***
Direttur: Clint Eastwood
Atturi: Anthony Sadler, Alek Skarlatos, Spencer Stone, Judy Greer, Jenna Fisher, Tony Hale, Thomas Lennon u Ray Carasani
Ħin tal-Film: 94 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Anthony Sadler, Alex Skalatos u Spencer Stone saru jafu lil xulxin bħala studenti fi skola Kristjana ġewwa California. It-tlieta telgħu b’valuri nsara. Meta Stone u Skalatos daħlu fil-militar, it-tnejn kienu ta’ mġieba eżemplari f’ambjent mhux tant reliġjuż. Il-providenza laqqgħathom flimkien; Stone u Skalatos f’avventura li ppjanaw flimkien ġewwa l-Ewropa fejn żaru l-Italja u l-Ġermanja u fi triqthom lejn Pariġi, jiltaqgħu ma’ seħibhom Sadler.
Dawn it-tliet żgħażagħ Amerikani jsiru l-eroj tal-ġurnata. Kienet idea brillanti li Clint Eastwood stedinhom biex isiru l-protagonisti fil-film: The 15:17 to Paris li hu dderiġa għaliex wara kollox kienu t-tliet żgħażagħ li kkonfrontaw terrorista fuq ferrovija minn Thalys fi triqtha lejn Pariġi. It-tlieta jammettu li dak li għamlu kien taħt il-gwida t’Alla.
Il-każ ġara fil-21 ta’ Awwissu 2015 meta Stone, Sadler u Skarlatos kienu flimkien fuq din il-ferrovija u kif daħlet ġewwa Franza, jkun hemm konfużjoni fuqha meta xi nies jidħlu jiġru minn vagun ta’ wara għaliex kien hemm terrorista b’arma awtomatika AK47 u deher li dan kien deċiż li joqtol lil kull min isib quddiemu. Fuq il-ferrovija kien hemm madwar ħames mitt ruħ. Hu allegat li Ayoub el-Khazzani, Marrokin ta’ ħamsa u għoxrin sena, ippjana dan l-attakk terroristiku armat sa snienu mhux biss b’arma awtomatika, iżda wkoll kellu pistola, sikkina, martell u petrol.
X’kienet ir-reazzjoni ta’ dawn it-tliet żgħażagħ meta ntebħu li kien hemm problema serja hekk kif semgħu sparar minn azzarin fl-ewwel tilwima li nqalgħet ma’ passiġġier. Stone, żagħżugħ ta’ 23 sena u jaħdem bħala student tal-mediċina fl-armata Amerikana, ntefa’ għal azzjoni, qam minn postu u ġera lejn Khazzani, hekk kif dan kien qiegħed jerfa’ l-arma awtomatika AK47 u jimmira.
X’jiġri minn hawn? X’sehem ikollhom il-ħbieb ta’ Stone, Skarlatos ta’ 22 sena u Sadler ta’ 23, f’din il-qagħda b’riskju kbir għal ħajjithom?
Film Amerikan, dramm bijografiku li seħħ tassew f’Awwissu 2015 fuq ferrovija fi triqtha lejn Pariġi. Il-film hu taħt id-direzzjoni ta’ Clint Eastwood, kitba ta’ Dorothy Blyskal.
Minħabba l-attentat terroristiku li kkawża kaos u biża’ kbir għal ħames mitt ruħ fuq ferrovija, kif ukoll xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.