-
-
***
Direttur: Gavin O’Connor
Atturi: Ben Affleck, Anna Kendrick, J. K. Simmons, Jon Bernthal, Jeffrey Tambor u John Lithgow
Ħin tal-Film: 128 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Christian Wolff hu bniedem awtistiku, ġenju fil-matematika. Iżda Christian hu wkoll bniedem b’ħila kbira kif jeħles mill-avversarji tiegħu bi preċiżjoni li ma titwemminx. Permezz ta’ xeni retrospettivi, nsiru nafu li tfulitu ma kinitx faċli. Ommu telqet mid-dar u missieru, li darba kien uffiċjal militari, ħarreġ lil Christian u lil ħuh Braxton fl-arti marzjali u fis-sengħa tal-isparar bl-ixkubetta, abiltajiet li Christian użahom tajjeb fil-ħajja li kien jgħix. Meta kiber, beda jmexxi waħdu kumpanija ta’ żamma ta’ kotba finanzjarji ġewwa Chicago bi klijenti tiegħu jkunu barrunjiet tad-droga, kriminali magħrufa u tiranni mad-dinja kollha. Christian kien rigoruż ħafna, effett tal-awtiżmu li kellu, metodiku u eżatt fix-xogħol tiegħu. Minn barra kien bniedem ftit li xejn soċjali, mhux kapaċi li jżomm konversazzjoni u ma jitbissem qatt. Kien jirnexxielu jwettaq biċċa xogħol minn jum għal ieħor waqt li jkun qiegħed ukoll imexxi n-negożju perikoluż li kien jaghmel. Dan kien jagħmlu b’rettezza kbira u kien jidher li jieħu pjaċir. Fuq insistenza ta’ vuċi feminili permezz ta’ telefonata, Christian jidħol għal biċċa xogħol ta’ klijent li deher leġittimu. Fil-kumpanija li kienet taħdem robots, isib tgħinu Dana Cummings li waqt li kienet qegħda taħdem fuq ir-redikonti finanzjarji tal-kumpanija, issib xi figuri li ma kienux qegħdin jaqblu u li deher biċ-ċar li kien hemm xi rregolalarita’ fiċ-ċifri. Sadanitttant mid-Dipartiment tat-Teżor, id-Direttur Ray King qabbad lill-analista Marybeth Medina biex issib l-identita’ ta’ bniedem matematiku ta’ hila kbira u li kien magħruf fost iċ-cirkli kriminali bħala: The Accountant. Fl-istess waqt, qattiel mikri misterjuż, bl-isem ta’ Brax, kien qiegħed ukoll ifittex il-passi tiegħu. Tgħid hemm xi konnesjoni ma’ Christian rigward l-operazzjoni li King u Brax daħlu għaliha?
Film Amerikan, mimli azzjoni u taħt id-direzzjoni ta’ Gavin O’Connor, kitba ta’ Bill Dubuque, llaqqgħana ma’ Christian Wolff, bniedem awtistiku u ġenju fil-matematika. Fost ix-xogħol li kien jagħmel bħala acccountant, kien ukoll li jellimina b’mod bla ħniena lill-ħafna li kien isibhom li abbużaw fil-finanżi tagħhom. Minħabba vjolenza u ġlied kif ukoll kliem goff u profann, barra t-tema tal-film li hi negattiva, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.