-
-
****
Direttur: Jaume Collet-Serra
Atturi: Liam Neeson, Vera Farmiga, Patrick Wilson, Jonathan Banks, Elizabeth McGovern, Andy Nyman u Sam Neill
Ħin tal-Film: 105 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 15
Michael MacCauley jgħix ħajja ta’ rutina. Illum jinsab jaħdem f’kumpanija tas-sigurtà wara li għaxar snin ilu telaq ix-xogħol ta’ detektiv. Għax-xogħol, Michael dejjem kien jirkeb l-istess tren. F’dawn l-aħħar għaxar snin kważi sar jaf il-passiġġieri kollha fosthom Walt. Sfortunatament, jum wieħed jmur għax-xoghol u jsib ruħu ssensjat. X’sejjer jagħmel issa, bniedem ta’ sittin sena? Qabel ma jmur id-dar, f’ħanut tax-xorb, jiltaqa’ ma’ Alex Murphy, ditektiv, li kien jaħdem miegħu meta kien fin-NYPD.
Fuq l-aħbarijiet, isiru jafu fuq il-mewt traġika ta’ persuna li kienet taħdem fl-ippjanar tal-ibliet. Fuq it-tren, kif sejjer lura lejn id-dar, Walt jiġbidlu l-attenzjoni li kien hemm mara tosservah. Fil-fatt ftit wara, din il-mara, bl-isem ta’ Joanna, tiġi maġembu u tgħidlu li f’kamra tat-tojlit, f’kompartimenti tat-tren, għandu jsib $25,000 fi flus kontanti u jekk jgħin isib persuna li ġġib isem fittizju ta’ “Prynne” qabel l-aħħar waqfa ġewwa Cold Spring, ikun hemm $75,000 jistennewh. Qabel ma tħalli t-tren, Joanna turih li kienet taf li darba kien pulizija.
Michael jmur fit-tojlit u tabilħaqq isib is-somma ta’ $25,000. Meta t-tren jieqaf, żagħżugħa tipprova tikklejmja l-flus waqt li tgħaddi lil Michael envelop li fih isib iċ-ċurkett tat-tieġ ta’ martu Karen. Meta jipprova jċempel lil Karen, ma jkunx hemm risposta! Jipprova wkoll jaqbad ma’ Murphy, izda ma jweġibx.
Sadanittant, Joanna tikkuntattjah u tgħidlu li kien għamel l-għażla għax ħa l-flus u li issa jrid isib lil Prynne jew xi ħaġa tiġri lill-familjtu. Michael jikteb messaġġ fuq gazzetta lil Walt biex iċempel lill-pulizija fil-waqt li jirċievi telefonata minn għand Murphy li jgħidlu li xhud bl-isem ta’ Prynne kien ra tnejn min-nies jitfgħu l-isfel il-persuna li kien jaħdem fl-ippjanar. Kien jidher biċ-ċar li Michael kien sab ruħu f’qagħda ta’ periklu kbir kemm għalih kif ukoll għal martu Karen u ibnu Danny. Kif sejjer jirnexxielu jsib lil Prynne fost tant passiġġieri? Min kienet din il-persuna u x’qegħda tagħmel?
Film Amerikan, dramm mimli azzjoni li jħallik bla nifs sal-aħħar, taħt id-direzzjoni ta’ Jaume Collet-Serra u kitba ta’ Byron Willnger, Philip de Blasi u Ryan Engle. Minħabba ġlied vjolenti, mewta traġika stradali kif ukoll kliem goff u profann, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu l-ħmistax-il sena.