-
-
****
Direttur: Yorgos Lanthimos
Atturi: Olivia Colman, Emma Stone, Rachel Weisz, Nicholas Hoult, Joe Alwyn, Mark Gatiss u James Smith
Ħin tal-Film: 120 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Fl-1708, waqt li l-pajjiż Brittaniku kien jinsab fi gwerra kontra Franza, ir-Reġina Anne kienet tinsab tirrenja fuq in-nazzjon. Anne ma kinitx b’saħħitha minħabba li kienet tbati b’uġigħ kbir bil-marda tal-gotta. Hi ħalliet it-tmexxija tan-nazzjon f’idejn Sarah Churchill, id-Dukessa ta’ Marlborough għaliex moħħha kien iktar fuq attivatajiet strambi. Fost dawn kienet iżżomm fil-kamra tas-sodda, sbatax-il fenek li kienu jfakkruha fis-sbatax ulied li kellha u li kienet tilfithom kollha tul is-snin. Sarah, konsulenta tar-Reġina kienet fil-fatt tmexxi il-pajjiż.
Sarah, sfortunatament issib tfixkil serju minn Robert Harley, membru prominenti parlamentari. Harley kien igawdi rispett kbir bħala proprjetarju tal-art u kien jgħin fil-finanzjament ta’ ġbir ta’ taxxi biex titkompla l-gwerra kontra Franza, gwerra li kienet taħt it-tmexxija tar-raġel ta’ Sarah, id-Duka ta’ Marlborough. Sadanittant, Abigail Hill, il-kuġina ta’ Sarah tasal fil-Palazz tfittex xogħol. Hi ssib ruħha f’din il-qagħda minħabba li missierha, bil-vizzju tal-logħob, tilef ġidu kollu. Sarah taċċetta lil Abigail biex tibda taħdem fil-kċina. Abigail wara ftit żmien tintebaħ bil-kondizzjoni ta’ saħħa tar-reġina u għalhekk taħaseb li tgħin billi tuża ħaxixa mediċinali li tgħin ħafna u sserraħ l-uġigħ li r-Reġina Anne kienet tbati bih. Biex turi l-gratitudni, Anne tagħmilha s-serva biex tibda taqdi lilha. Harley jieħu l-opportunita’ biex ikellem lil Abigail biex titkixxef x’kienu l-pjani ta’ Sarah. Abigail iżda tirrifjuta li tagħmel dan.
Sadanittant, Abigail tintebaħ bir-relazzjoni sesswali li kien hemm bejn ir-Reġina u Sarah. B’dak li ssir taf, Abigail tibda tippjana biex issib l-okkażjoni biex issir il-favorità tar-reġina u minħabba li Sarah kienet qegħda tkun iktar iffukata fuq il-gwerra kontra Franza, Abigail ssib ix-xoqqa f’moxta biex tindieħes aktar mar-reġina u twassalha ukoll biex ikollha relazzjoni sesswali magħha. Sarah tintebaħ b’dan u meta tipprova tkeċċi lil Abigail, Anne topponi din id-deċiżjoni. Abigail biex tpattiha lil Sarah titfagħlha il-velenu fit-te’. X’jiġri minn hawn?
Film f’ambjent ta’ sfont storiku, kummiedja u dramm, taħt id-direzzjoni ta’ Yorgos Lanthimus u kitba ta’ Deborah Davis u Tony McNamara. Minħabba t-tema tal-film fejn tidħol bl-akbar mod ċar ir-relazzjoni intima li tiżviluppa bejn il-protoganisti tal-istorja, attivitajiet sesswali f’burdell, kif ukoll pjan ta’ vendetta ippjanat minn Abigail kontra Sarah, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.