• ***

    Direttur: Craig Gillespie
    Atturi: Chris Pine, Casey Affleck, Ben Foster, Holliday Grainger, John Ortiz u Eric Bana
    Ħin tal-Film: 117 min
     
    Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
     
    Klassifika taċ-Ċensura: 12A
    Klassifika tal-Knisja: 12
     
    Bernard “Bernie” Webber jagħmel bħala parti mill-ekwipaġġ ta’ stazzjon ta’  Coast Guard ġewwa  Chatham, Massachusetts f’Cape Cod. Jinsab f’relazzjoni ta’ mħabba ma’ tfajla lokali  Miriam Pentinen. It-tnejn qablu li jiżżewwġu fis-6 ta’ April 1952 iżda biex ikun jista’ jseħħ dan iż-żwieġ, Bernard kellu jitlob il-permess ta’ Daniel Cluff, il-kmandant tal-istazzjon. Fil-jum li kellu jagħmel dan,  fi Frar 1952,  Bernard jintalab, li flimkien ma’ shabu joħroġ bħala l-pilota ta’  lanċa tas-salvataġġ  biex isalvaw l-ekwipaġġ ta’ tanker taż-żejt,  SS Pendleton li kien inqasam minn nofs qrib il-kosta ta’ Chatham f’maltempata qalila. Miegħu, Bernard jieħu lil Andrew Fitzgerald, Ervin Maske u Richard P. Livesey. Sadanittant, l-inġinier tat-tanker, Ray Sybert, jorganizza lil sħabu biex jiggwidaw il-poppa tal-bastiment fuq sikka sakemm jiġu salvati. Miriam min-naħa tagħha, meta tisma’ fuq il-missjoni li Bernard kien sejjer għaliha ma’ sħabu, bħal ħafna nies tal-belt emmnet li din il-missjoni kienet missjoni suwiċidali. Ftit kienu dawk in-nies ġewwa Chatham li kellhom fiduċja fi Cluff minħabba l-fatt li hu ma kienx mill-post u ftit kellu idea tat-temp aħrax li kien iħabbat mal-kosta.  Meta Miriam  marret fl-uffiċju ta’ Cluff, li ma kienx wisq viċin, biex tipprova tipperwadih biex jibdel l-ordni u jordna lil Bernard lura lejn il-port, dan mhux biss ma semgħax minnha, iżda wkoll keċċiha  ’l barra b’mod goff. Tgħid jirnexxielhom Bernard u sħabu jtemmu b’suċċess il-missjoni li deħret tant diffiċli u perikoluża? Biex tkompli tagħmilha iktar diffiċli għal Bernerd u sħabu, jitilfu l-kumpass u barra hekk ġewwa Chatham jintefa d-dawl tal-belt. Kien il-lejl waqt tempesta li tibla l-art!
    Film Amerikan, bi 3D,  hi fuq ġrajja vera li ġrat ġewwa  l-Istati Uniti  fi Frar 1952 meta t-tanker SS Pendleton jinqasam  minn nofs waqt tempesta qalila fuq il-kosta ta’ New England. Il-film hu taħt taħt id-direzzjoni ta’ Craig Gillespie, msejjes fuq il-ktieb ta’ Michael J. Tougias u Casey Sherman: The Finest Hours: The true story of the U.S. Coast Guard’s Most Daring Sea Rescue. Minħabba xeni ta’ tempesta qalila, waqtiet ta’tensjoni kif ukoll xi kliem goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.