-
-
***
Direttur: Philip Noyce
Atturi: Jeff Bridges, Meryl Streep, Brenton Thwaites, Alexander Skarsgard, Odeja Rush, Katie Holmes u Taylor Swift
Ħin tal-film: 97 min.
Klassifika taċ-Ċensura: 12A
Klassifika tal-Knisja: 12
Fis-sena 2048, wara gwerra, il-komunita` umana ddeċidiet li jneħħu kull forma ta’ razza u sentimenti. Kull ċitadin kellu l-memorja tiegħu mħassra b’eċċezzjoni ta’ dak magħruf bħala: “Ir-Riċevitur tal-Memorji”, individju fil-komunita` li kellu fil-pussess tiegħu l-memorji ta’ qabel u li kellu jagħti pariri lill-Kap tax-Xjuħ u l-Kunsill tieghu fuq id-deċiżjoni li kellhom jittieħdu għall-kumplament tal-komunita`. Jonas, żagħżugħ, ġie magħżul biex ikun hu “Ir-Riċevitur tal-Memorji” li kien imiss. Bill-mod il-mod jibda jirċievi l-memorji tal-passat minn “The Giver”. F’laqgħa miegħu, Jonas isir jaf il-passat ta’ “The Giver” u t-tfajla, bl-isem ta’ Rosemary, li kienet ġiet aċċettata bħala “The Giver” qabel Jonas. Sfortunatament, il-memorji tal-passat kellhom tant effett fuqha, li wettqet suwiċidju permezz ta’ injezzjoni li waslitha għal mewt. Jonas jibda jaqsam dan it-tagħrif mal-ħabiha tiegħu Fiona. Jistqarr ukoll magħha s-sentimenti li kien qiegħed jibda jħoss. Fiona minnaħa tagħha ma kienitx żgura x’għandha tħoss għal dak li beda jaqsam magħha Jonas għalkemm għal mument qasmet miegħu bewsa. Jonas wkoll jibda jaqsam il-memorji tiegħu ma’ Gabe, tarbija li missieru kien ġab id-dar. Ir-relazzjoni bejniethom tkompli tissaħħah meta Jonas jintebaħ li anke Gabe kellu l-istess marka li kellu hu fuq il-polż, marka li kienet tfisser li ‘l quddiem, Gabe kien dak li jkun sejjer joħodlu postu bħala “The Giver”. Jonas wara ħafna ħsieb, jiddeċiedi li kulħadd kellu d-drit li jkollu l-memorji tal-passat u jseprimi dak li ried. Flimkien ma’ “The Giver” jiddeċiedi li l-uniku triq biex igħin lill-Komunita`, kien li jaqsam il-fruntiera għal post magħruf bħala Elsewhere fejn hemm ikun jista’ jeħles il-memorji għall-Komunita` kollha. Tgħid jirniexxilu jagħmel dan? Ma kienitx faċli għalih l-aktar meta l-Kap tax-Xjuħ u l-Kunsill tiegħu ssiru jafu x’kien sejjer jagħmel.Film Amerikan, ta’ fantaxjenza, b’tema soċjali, msejjes fuq in-novella ta’ Lois Lowry fejn fil-wiċċ kollox jidher perfett, dinja utopistika iżda artifiċjali fejn kull membru tal-komunita` kellu l-memorji u s-sentimenti mrażżna, inlużi l-liberta`, l-ghażla, individwalita` u reliġjon. Il-film għandu messaġġi pożittivi favur il-hajja iżda minħabba xena ta’ ewtanasja, vjolenza u t-tema tal-film, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.