-
The Great Beauty
-
****
Direttur: Paolo Sorrentino
Atturi: Toni Servillo, Carlo Verdone, Sabrina Ferilli
Ħin: 150 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Jep Gambardella huwa kittieb, għalkemm fil-fatt ma’ tantx jikteb. L-ewwel u l-uniku rumanz tiegħu, “The Human Apparatus”, għalkemm meta ħareġ kien għamel suċċess issa ilhu li ntesa’, iżda lil Jep għadu jfakkru li seta’ rnexxa bħala kittieb imma baqa’ m’għamel xejn. Irid jibqa’ żgħażugħ u importanti sakemm jista’. Huwa jħobb jagħmel parties u ikliet għal krema tas-soċjeta’ fit-terrazin tad-dar tiegħu li jagħti fuq il-Colosseum. In-nies li jagħmilha magħhom huma taħlita ta’ negozjanti, nisa newrotiċi, xi wħud li jispiraw li jsiru awturi, u nisa anzjani sinjuri. Il-ħolma li kellu fil-bidu terġa’ titqajjem meta r-raġel ta’ l-ewwel mara li kellu relazzjoni magħha, Elisa, jgħidlu li mietet u li fid-djarju tagħha tistqarr li bagħqet tħobbu sa l-aħħar. Il-memorji tal-laqgħat tiegħu magħha ħafna snin ilu jnisslu fih ċerta freskezza li hi differenti ħafna mill-pjaċiri mifnija tal-llum, u jerġgħu jitqajmu fih ċerti li kien ilhom li spiċċaw fih. Issa għandu relazzjoni ma’ Ramona, stripper ta’ klassi. Is-sentimenti tiegħu lejn il-passat aktar jissaħħu meta titfaċċa Sister Maria, soru xiħa twajba li l-kliem sempliċi tagħha jikkontrasta mal-kliem vojt tas-soċjeta’ għolja.
Film drammatiku dwar Ruma, is-sbuħija tagħha u tal-monumenti tagħha, u s-superfiċjalita’ tal-klassi għolja. Film sabieħ li jqanqal memorji ta’ “La Dolce Vita” ta’ Federico Fellini u li ħareg 53 sena ilu, għalkemm dan il-film huwa differenti. Minbarra li jagħti dehra tas-sbuħija tal-belt eterna, il-film ipinġi s-soċjeta’ moderna li tgħix f’din il-belt, soċjeta’ ossessjonata fli tiddeverti, tidher żgħażugħa u enerġetika. Il-qofol tal-film huwa Toni Servillo fil-parti ta’ Jep li jaħdem parti tassew tajba. Il-film huwa xi ftit tqil u twil ħafna. Bit-taljan bis-sottotituli bl-ingliż. Fih kontenut sesswali, nudita’, u kliem ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.