-
-
****
Direttur: Zhang Yimou
Atturi: Matt Damon, Jing Tian, Pedro Pascal, Willem Dafoe, Andy Lau, Zhang Hanyu u Eddie Peng
Ħin tal-Film: 104 min.
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd.
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12A
Fi żmien id-dinastija Song meta l-Imperatur Renzong kien fil-ħakma, ftit mili ’l bogħod minn The Great Wall, grupp ta’ merċenarji kienu fuq tfittxija għal trab iswed meta ħallelin Khitani attakkawhom u rnexxielhom joqtlu numru minnhom. Dawk li baqgħu ħajjin irnexxielhom jistaħbew ġewwa għar fejn hemm jiġu attakkati minn mostru. Riżultat ta’ dan l-attakk, xejn mistenni, William u Tovar biss isalvaw wara li rnexxielhom jaqtgħu idejn il-mostru. L-għada t-tnejn isibu ruħhom qrib The Great Wall fejn hemmhekk jaqgħu pruġunieri ta’ setta militari magħrufa bħala: The Nameless Order, taħt it-tmexxija tal-Ġeneral Shaou u l-istrateġista Wang. Din l-Ordni ġiet ikkommissjonata mill-Imperatur biex tħares u żżomm ’bogħod milli jinvadu ċ-Ċina numru kbir ta’ mostri li kull sittin sena kienu jerġgħu jidħru. Meta raw l-idejn tal-mostru, baqgħu xxukkjati għax qatt ma bassru li l-mostri kienu qegħdin tant qrib. Fil-fatt ma jgħaddiex ħafna żmien li numru kbir ta’ mostri jattakkaw The Great Wall. The Nameless Order ilaqqa’ l-battaljuni kollha li kienu għad-dispożizzjoni tieghu mqassmin f’ħames gruppi. Fl-attakk iż-żewġ naħat isofru ħafna mwiet qabel ma The Queen issejjaħ lura l-mostri biex jirtiraw. Sadanittant waqt il-battalja, William u Tovar jinħelsu minn Peng Yong. William minnaħa tiegħu jsalva lil Peng meta jigi attakkat mill-mostri. Il-ħila li William u Tovar wrew, impressjonat lil Ġeneral Shao u l-Kmandant Lin, il-mexxej tal-Crane Troop. William u Tovar jiltaqgħu ma’ Sir Ballard li wkoll kien pruġunier meta ħamsa u għoxrin sena kien qiegħed ifittex it-trab l-iswed. It-tlieta jiddiskutu kif sejrin jaħarbu wara li jkunu serqu minn dak it-trab l-iswed. Tgħid il-pjan tagħhom jirnexxi? Sadanittant l-istrateġista Wang tiltaqa’ ma’ William u tispjegalu l-qagħda ħażina li kienu jinsabu fiha. X’jiġri minn hawn? Tgħid William jibdel il-pjan li jaħrab minn hemm?
Film epiku, storiku u narrativ, hu taħt id-direzzjoni ta’ Zhang Yimou. Film mimli azzjoni li jħallik bla nifs bi protoganist fil-film Matt Damon jibbrilla fl-azzjoni. Minħabba li fih xeni ta’ attakki vjolenti minn mostri kif ukoll l-istorja fija nfisha, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax –il sena.