-
-
****
Direttur: David Dobkin
Atturi: Robert Downey Jr., Robert Duvall, Billy Bob Thornton, Vera Farmiga
Ħin: 141 minuti
Klassifika taċ-Ċensura: 15
Klassifika tal-Knisja: 18
Hank Palmer huwa avukat ta’ fama f’Chicago. Meta ommu tmut huwa jmur lura lejn pajjiżu, Carlinsville, belt rurali żgħira f’Indiana. Il-ħsieb tiegħu jkun li jmur għal funeral t’ommu u jerġa’ jitlaq jiġri lejn Chicago, l-iktar minħabba li xejn ma jkollu relazzjoni tajba ma’ missieru, l-Imħallef irrispettat Joseph Palmer, li ilu ma jkellmu minn mindu telaq lejn Chicago. Hekk kif jitlaq minn f’Carlinsville, iżda, missieru jiġi arrestat fuq qtil; huwa jiġi akkużat li qatel raġel f’inċident tal-karozza u baqa’ sejjer. Hank jerġa’ lura biex jiddefendi lil missieru iżda biex jiddifendih fil-kawża l-Imħallef minflok lil ibnu jqabbad avukat lokali, C.P. Kennedy, li xejn ma jkun ta’ ħila, speċjalment biex jirribatti l-attakki tal-prosekutur Dwight Dickham. Sadanittant, Hank jerġa’ jqajjem ir-relazzjoni ta’ mħabba li kellu ma’ Samantha meta kienu għadhom fis-sekondarja, kif ukoll iġedded ir-relazzjoni tiegħu maż-żewġ ħutu, Glen u Dale. Fl-aħħar l-Imħallef iċedi u jħalli lil Hank jiddifendih u dan juri bil-qawwa kollha l-esperjenza u l-ħila tiegħu. Fl-istess waqt, il-missier u l-iben jirrikonċiljaw bejniethom.
Film drammatiku dwar iben il-ħali li jirritorna lejn missierhu. Film interessanti b’reċtar tajjeb ħafna mill-atturi kollha. Tispikka d-determinazzjoni ta’ l-Imħallef li jgħid il-verita’ avolja tista’ tkun ta’ dannu għalih. Fih kontenut sesswali u ħafna kliem ħażin. Jgħodd għal udjenza adulta.