-
-
***
Direttur: Guy Ritchie
Atturi: Henry Cavill, Armie Hammer, Alicia Vikander
Ħin: 106 minuti
Klassifika tal-Gvern: 12A
Klassifika tal-Knisja: 15
Napoleon Solo għamel ħafna flus jinnegozja antikitajiet misruqa wara t-tieni gwerra u kien iħobb jitħallat mas-sinjuri. Meta inqabad, ingħata l-għażla li jew jintbagħat il-ħabs jew li jibda jaħdem għas-CIA, u hu għażel din ta’ l-aħħar, u sar aġent tal-United Network Command for Law and Enforcement (U.N.C.L.E.), li l-għan tagħha kien li tegħleb lill-aġenzija opposta Russa li riedet tikseb dominanza globali fi żmien il-gwerra bierda. L-aġent oppost ta’ Solo huwa Illya Kuryakin, funzjunarju tal-KĠB. Fl-1963 Solo u Illya ikunu qed jimpikaw bejniethom ġewwa Berlin min minnhom jirnexxielu jaqbad l-ewwel lil Gaby Teller, tfajla ħelwa minn Berlin tal-Lvant li taħdem bħala mekkanik tal-karozzi. Solo jirnexxilu isibha l-ewwel u joħroġha minn Berlin tal-Lvant, u Illya jibqa’ jsus warajh. Sadanittant il-kapijiet tagħhom it-tnejn warrbu għal ftit id-differenzi ta’ bejniethom u ddeċidew li jikkoperaw flimkien biex isibu lil missier Gaby, Dr Udo Teller, Nażi maħrub li kien l-espert favorit ta’ Hitler dwar ir-rockets u li jkun qed jagħmel bomba atomika. It-tama kemm ta’ l-Amerikani u kemm tar-Russi hija li t-tentazzjoni ta’ Dr Teller li jingħaqad mill-ġdid ma’ binthu twasslu biex jikxef fejn jinsab. Kemm Solo u kemm Illya jagħmlu ħilithom biex isibu lil Dr Teller qabel ma’ jlesti l-bomba.
Film t’azzjoni bbażat fuq is-serje televiżiva tas-snin 60 dwar il-gwerra bierda bejn l-Amerikani u r-Russi. Film mimli intriċċi u azzjoni b’rextar tajjeb, iżda l-karattri huma serji żżejjed u mhux ta’ l-istess livel tal-films oriġinali. Il-film fih xeni ta’ vjolenza u tortura, xi xeni u kliem imbarazzanti u xi kliem ħażin. Jgħodd għal dawk minn 15 il-sena ‘l fuq.