-
-
****
Direttur: Colin Hardy
Atturi: Demiàn Bichir, Taissa Fermiga, Jonas Bioquet, Bonnie Aarons, Charlotte Hope, Ingrid Bisu, Jonny Coyne, Mark Steger u Claudio Charles Schneider
Ħin tal-Film: 96 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 15
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 18
Fl-1952, ġewwa r-Rumanija, żewġ sorijiet fil-Monasteru Carta, jiġu attakkati minn preżenza inviżibbli. Sister Victoria li tibqa’ ħajja, taħrab minn dak li kien attakkaha. Biex teħles minnu titgħallaq meta taqbeż minn ġo tieqa. Il-katavru tagħha jinstab minn Frenchie li kien jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-ikel għas-sorijiet. Uffiċjali għolja fil-Vatikan isiru jafu b’din it-traġedja u jibagħtu lil Father Burke, mħarreġ biex jinvestiga dawn it-tip ta’ traġedji u takkumpanjah soru novizza, Sister Irene. It-tnejn jivvjaġġaw lejn ir-Rumanija fejn hemm jiltaqgħu ma’ Frenchie li jurihom it-triq lejn l-abbazija.
Meta jaslu u jidħlu ġewwa, jsibu l-katavru tas-soru f’qagħda mhux kif fil-fatt Frenchie kien ħallieh. Minn idejn il-katavru ta’ Sister Victoria jieħdu ċavetta b’għamla stramba. Wara li jagħtu difna xierqa f’qabar lill-katavru, jmorru lejn l-abbazija u jidħlu ġewwa fejn hemm jiltaqgħu ma’ Madre Badessa li tgħarrafhom li s-sorijiet kienu marbuta bil-vot tas-silenzju matul il-lejl. Il-Badessa toffrilhom residenza qrib l-abbazija u l-għada filgħodu jmorru lura.
Sadanittant, Frenchie kif kien qiegħed jirritorna lejn ir-raħal, jiġi attakkat minn katavru ta’ soru izda jirnexxielu jaħrab. Father Burke jgħid lil Sister Irene b’esperjenza li kellu meta mar jagħmel eżorċiżmu lil tifel imxajten. Għalkemm kien fejqu iżda miet ftit wara bil-ġrieħi li kien ġarrab. Din l-esperjenza ħalliet sens ta’ ħtija fuq Father Burke. Dak il-lejl stess, it-tnejn jiġu tterrorizzati minn entità mxajtna, b’Father Burke jiġi salvat minn Sister Irene meta dan jsib ruħu midfun f’qabar f’ċimiterju qrib. Ġewwa l-qabar isibu ammont ta’ kotba antiki fuq ix-xjaten.
L-għada, Sister Irene u Father Burke jirritornaw lejn l-abbazija iżda Sister Irene biss titħalla tidħol ġewwa peress li l-abbazija kienet tal-klawsura. Father Burke għalhekk jsib il-ħin biex iqalleb fil-kotba li jsib fil-qabar. Dawn il-kotba antiki kienu jagħtu idea ċara fuq l-entità mxajtna magħrufa bħala Valak u li l-Badessa kienet ilha li mietet. Sadanittant, Sister Irene tiltaqa’ ma’ xi sorijiet deħlin fil-kappella biex jitolbu. Tiltaqa’ wkoll ma’ Sister Oana li tirrivelalha l-istorja tal-abbazija. X’kien ġara matul iż-żmien u x’kien għadu jiġri llum?
Film Amerikan, tal-biża’ li jittratta s-sopranaturali gotiku, taħt id-direzzjoni ta’ Colin Hardy u kitba ta’ Gary Dauberman. Minħabba t-temi tal-okkult, użu profann ta’ oġġetti sagri, xena ta’ suwiċidju, kif ukoll vjolenza fiżika u mdemmija, ikun tajjeb li l-film jarawh il-kbar biss.