• ****

    Direttur:          Peter Lepeniotis
    Ilħna:                Will Arnett, Brendan Fraser, Gabriel Iglesias, Liam Neeson u Katherine Heigl
    Ħin tal-Film:    86 min
     
    KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA:                 U
    KLASSIFIKA TAL-KNISJA:                      PG
     
    Ġewwa Oakton City fis-sena 1959, skwiril egoist bl-isem ta’ Surly u sieħbu l-ġurdien Buddy, insibuhom igħixu ġewwa Liberty Park. Minħabba l-fama li kellhom bħala ħallelin kienu ġew imwarrba minn kulħadd. Sadanittant, numru ta’ annimali urbani, mmexxija minn Raccoon, bdew jaħznu ikel biżżejjed għax-xitwa ġewwa siġra kbira tal-ħarub. Raccoon isir jaf permezz ta’ Mole li kien sejjer ikun hemm nuqqas kbir ta’ ikel għax-xitwa. Sadanittant Surly u Buddy jagħmlu attentat biex jisirqu karrettun mimli karawett. Iżda l-attentat tagħhom imur żmerċ għal kollox meta Andie, skwiril iehor, flimkien ma’ Grayson ikunu ħatja li l-karettun mimli karawett jispiċċa mtajjar għal ġewwa s-siġra li fiha kienu qegħdin jaħżnu l-ikel, b’riżultat li l-ftit ikel li kellhom maħzun ġewwa fiha, spiċċa fix-xejn. Surly jiġi ddentifikat bħala dak responsabbli għal dak kollu li ġara b’riżultat li jiġi mkeċċi minn ġewwa l-Park. X’sejjer  jagħmel issa Surly u li miegħu ngħaqad Buddy, biex igħix ġewwa ambjent ta’ belt ostili, mimlija ġrieden feroċi? Fortunatament Surly jiskopri ħanut: Maury’s Nut Shop. Mingħajr telf ta’ żmien, Surly tefa’ għajnejh fuq dan il-ħanut u beda jara kif sejjer jidħol fih biex jisraq minnu.  Meta Surly u Buddy jidħlu fil-ħanut  isibu li dawk li kienu suppost imexxu n-negozju tal-karawett, ma kienux ħlief ħallelin li kienu qegħdin jippjanaw biex jisirqu l-Bank billi jħaffru mina taħt l-art biex jidħlu ġewwa l-kamra tas-sigurta` tal-Bank,  Il- pjan kien li dawn il-ħallelin jisirqu l-ixkejjer bil-flus minn ġewwa l-Bank u minflokhom ipoġġu l-ixkejjer tal-karawett. Tgħid  jirnexxi l-pjan?  X’parti sejjer  jaħdem Surly u sieħbu Buddy f’din l-avventura?  X’parti jilgħab Raccoon u shabu  meta wkoll jiskopru dan il-ħanut mimli karawett? Raccoon ukoll jikxef min kien tassew! Juri li wara kollox ma kienx daqshekk onest

    Film animat għal-kbar u għaż-żgħar, bi 3D, msejjes fuq film qasir animat ieħor mill-istess Direttur Lepeniotis u li ħareġ fl-2005 bl-isem ta’ Surly Squirrel. L-istorja joħroġ tajjeb l-karattru ta’ Surly li għalkemm kien ħalliel gwab iżda meta ġie għall-prova wera li kien jimpurtah minn sħabu. Minħabba li l-film għandu xeni xi ftit tal-biza`, ikun tajjeb li t-tfal ikunu akkompanjati minn xi adult.