-
-
****
Direttur: Steven Spielberg
Atturi: Maryl Streep, Tom Hanks, Sarah Paulson, Bob Odenkirk, Tracy Letts, Bradley Whitford, Bruce Greenwood, Matthew Rhys
Ħin tal-Film: 116 min
Maħruġ minn KRS Releasing Ltd
KLASSIFIKA TAĊ-ĊENSURA: 12A
KLASSIFIKA TAL-KNISJA: 12
Fl-1965, Daniel Ellsberg, analista fid-Dipartiment Statali Militari, flimkien ma’ Robert McNamara, Segretarju tad-Difiża, jakkumpanja truppi Amerikani fi Vjetnam waqt it-taqbid biex jidentifikaw x’qiegħed jiġri fir-reġjun. Waqt it-ritorn lejn l-Amerika, McNamara jesprimi ma’ Ellsberg u l-President Johnson li l-gwerra fi Vjetnam kienet f’qagħda diżastruza.
Ftit snin wara, Ellsberg jibda jaħdem ma’ kuntrattur ċivili militari. Bil-moħbi, jikkopja dokumenti klassifikati li kienu jiddokumentaw il-progress tal-gwerra fi Vjetnam, miż-żmien tal-Amministrazzjoni ta’ Truman. Dawn kienu jikxfu fid-dettal, għoxrin sena ta’ attivitajiet klandestini Amerikani u deher ċar li x-xejra tal-gwerra kienet sejra mill-ħażin għal agħar. Ellsberg jgħaddi dawn id-dokumenti lil Neil Sheehan, il-korrispondent ta’ The New York Times. Sadanittant, ġewwa Washington D.C., Katherine Graham, werrieta tal-gazzetta influenti The Washington Post, wara l-mewt suwiċidali tar-raġel tagħha, qegħda tagħmel ħilitha biex tibbilanċja l-ħajja soċjali tagħha mar-responsabilitajiet ġodda li waqgħu fuqha. Xtaqet ħafna li ttejjeb il-gazzetta iżda ma kienx faċli fost il-ħafna rġiel jaħdmu fil-gazzetta, fosthom l-editur prinċipali Ben Bradlee u Arthur Parsons, membru fuq il-bord tat-tmexxija. Bradlee jinnota li l-korrispondent investigattiv, Neil Sheehan ma kienx ippubblika artikli fuq The Times għal xi żmien u għalhekk ikkonkluda li kien qiegħed jaħdem fuq storja sensazzjonali.
Sadanittant, McNamara, ħabib antik ta’ Katherine, jistqarr magħha li kien sejjer jidher xi ħaġa fuqu fil-gazzetta The Times li ma kinitx tant sabiħa. Din l-aħbar kienet sejra tesponi l-qerq tal-gvern Amerikan li għal tant snin ħeba mill-poplu Amerikan, il-fjask kbir tal-gwerra fi Vjetnam. The Times bdiet toħroġ id-dettalji f’serje, iżda din ġiet mwaqqfa fuq ordni tal-Qorti.
Sadanittant, Ben Bagdalan, post assistent editur ta’ The Washington Post, isir jaf li kien Ellsberg li kien għadda d-dokumenti lil The Times. Ellsberg jgħaddi l-istess dokumenti lil Bagdalan, kollha mħawdin kif kienu, mingħajr paġnar. L-avukati tal-gazzetta kienu kontra li The Washington Post jistampaw dawn id-dokumenti wara li l-Qorti kienet żammet lil The Times milli tagħmel dan. X’sejra tagħmel Katherine meta ssib ruħha f’din il-qagħda?
Film Amerikan, dramm politiku, taħt id-direzzjoni ta’ Steven Spielberg u kitba ta’ Liz Hannah u Josh Singer. Minħabba kumbatt militari u lingwaġġ goff, ikun tajjeb li l-film jarawh dawk li għalqu t-tnax-il sena.